Fl-14 ta’ Awwissu 2017, il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-MaltaPost ser joħorġu munita tal-fidda u replika ta’ bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda sabiex ifakkru l-ħamsa u sebgħin sena mill-għoti tal-George Cross lil Malta f’April 1942, u l-wasla talkonvoj providenzjali imsejjaħ ‘Pedestal’ f’Awwissu 1942.
Fi stqarrija ntqal li l-munita, maħduma fir-Royal Dutch Mint, turi l-emblema ta’ Malta u s-sena tal-ħruġ 2017 fuq in-naħa ta’ quddiem. Fuq in-naħa ta’ wara, il-munita turi t-tanker ‘Ohio’ flimkien ma’ destroyer tarRoyal Navy fl-isfond.
Dan jagħti ġieħ li s-sagrifiċċju erojku li sar mir-Royal Navy u lMerchant Navy sabiex Malta jibqa’ jkollha l-provvisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-munita turi wkoll il-George Cross – simbolu tanġibbli li jonora u jfakkar għal dejjem il-qlubija tal-Maltin fl-agħar żminijiet li għaddiet minnhom ilgżira matul ilgwerra.
Il-munita, li tista’ wkoll tinxtara waħedha, għandha valur nominali ta’ €10. Il-munita hi maħduma f’0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta’ 38.61 mm. Il-munita hi maħduma f’verżjoni proof u l-istampar tagħha hu limitat għal 2,000 munita. Il-munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason.
Intqal ukoll li r-replika ta’ bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda ġiet ukoll prodotta għall-MaltaPost mir-Royal Dutch Mint u turi l-bolla postali ta’ €3.00, waħda mill-bolol postali maħruġa għall-okkażjoni talħamsa u sebgħin sena mill-‘Operation Pedestal’.
Skond il-Bank Ċentrali, il-prodott konġunt ser ikun f’kaxxa attraenti u huwa limitat għal 500 sett. Is-settijiet u l-muniti jistgħu jinxtraw mill-Malta Coin Centre (MCC) fil-bini prinċipali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l-Belt Valletta, jew mill-eshop tal-MCC fuq is-sit elettroniku www.maltacoincentre.com. Il-prezz tas-sett huwa €92, filwaqt li l-prezz tal-munita waħedha huwa €60.