Wara li l-Ħamis qal li għandu pjan iżda ma kienx jaf jgħid kemm se jiswa, Bernard Grech issa qal li qed jippjana.
Bernard Grech stqarr: “Aħna qegħdin nippjanaw.”
Bernard Grech għadu ma weġibx lill-ġurnalisti, anki ta’ midja indipendenti meta kien mistoqsi dwar costings dwar pjan għall-enerġija li qal li għadu jrid jiġi diskuss u jsiru l-kalkoli.
Bernard Grech qal, “Indaħħlu jdejna fil-but, nagħmlu l-kalkoli neċessarji.”
Ġurnalist ta’ midja: “Jekk dawn il-proposti ġewx costed u ovvjament qed jissemmew numru ta’ ideat pero hemm ukoll investimenti kbar li jiġu magħhom, jekk sarx eżerċizzju ta’ costing, il-Gvern x’se jkun qed jonfoq biex jinvesti f’dan jew jekk hux investiment bi sħab mal-privat.”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News staqsieh: “Ma nistax ma nkomplix mal-ewwel mistoqsija tal-kollega tiegħi, kemm ser jiġi jiswa dan il-pjan? Jiġifieri inti hekk, din il-viżjoni kollha fl-ajru. Nistgħu forsi wkoll nibdew mill-ewwel żewġ miżuri li diġà ħabbart, kemm ser jiġu jiswew, taf? Għax anke qisu tidher perpless hekk anke xħin staqsiek.”
Grech wieġeb: Le lanqas xejn ma nidher perpless Colin.”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News reġa’ staqsa lil Bernard Grech: “Sur Kap tal-Oppożizzjoni din il-viżjoni ma tafx kemm tiswa jiġifieri?”
Grech sostna: “Iva hija ċara diġà li aħna ser inkunu qegħdin inħallu fil-bwiet tan-nies għoxrin fil-mija.”
Il-Ġurnalist ta’ dan l-istazzjon kompla jistaqsi: “Kemm jiswew? Kemm jiswew?”
Bernard Grech tenna: “Dan ifisser li dawn in-nies, diġà kkalkolajna u huma jafu.”
Quddiem l-għeluq tal-powerstation ta’ Marsa u dik tal-BWSC ta’ Delimara li kienet taħdem bil-heavy fuel oil u minflok qed tiġi ġenerata b’sors ferm iżjed nadif Bernard Grech attakka l-Gvern.
Bernard Grech qal, “Ilhom issa seba’ snin, kważi tmien snin fil-Gvern u għadhom f’dan il-qasam ma jagħmlu xejn u m’għamlu xejn.”
Filwaqt li l-familji u n-negozji ilhom issa jgawdu minn kontijiet tad-dawl irħas, mal-Kap Nazzjonalista kompla id-deputat Ryan Callus, li spiċċa jfaħħar il-powerstation tal-BWSC li kienet taħdem bl-aktar żejt li jniġġes.
Callus stqarr: “Imbagħad il-BWSC, il-pjan tal-Partit Nazzjonalista li tant kien tajjeb.”
U filwaqt li lil bosta, Ryan Callus fakkarhom fit-trab iswed u l-mard respiratorju, Bernard Grech riedna wkoll niftakru fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-enerġija.
Bernard Grech saħaq: “Ħarsu lejn l-istorja tagħna.”
Bernard Grech u Ryan Callus faħħru l-użu tal-heavy fuel oil ftit wara li f’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ntqal kif fi żmien Lawrence Gonzi kien qed jinħaraq mitt miljun ewro f’heavy fuel oil fis-sena.