Li Egrant hija tal-Prim Ministru hija gidba fabbrikata. Huwa ċar illum, li wara xhur jagħmel insinwazzjonjiet, Simon Busuttil qatt ma kellu informazzjoni.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona qal dan waqt konferenza fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, issa li Simon Busuttil spiċċa qed jitlob għal informazzjoni dwar il-kumpanija Egrant.
Cardona nnota kif Busuttil insinwa lill-Prim Ministru personalment flimkien ma’ martu u wliedu.
“Qatt ma’ kellna politika disgustanti bbażata fuq il-gideb daqshekk…huwa politiku falz, u jikkuntrasta mal-mod kif jaġixxi l-Prim Ministru fuq stejjer bħal dawn.”
Waħda mill-problemi li għandu l-pajjiż hija l-Oppożizzjoni, qal Cardona, meta kwota stħarriġ indipendenti. “Flok jitkellem fuq l-Egrant, aħjar jitkellem fuq invoices ta’ DB għax hemm żgur hemm storja bbażata fuq invoices li huma fabbrikati” issuġġerixxa Cardona.
Hemm żgur ma’ talabx informazzjoni Simon Busuttil, u kiser il-liġi ta l-finanzjament tal-partiti.
“Ieqfu igbdu, ieqfu ivvintaw, come clean. Tivvintawx stejjer biex tgħattu xturkom” kien l-appell ta’ Cardona.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-unika arma li għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni hi li jgħajjar lin-nies bl-aktar mod personali. Meta jinfexx iħammeġ, jakkuża u jgħajjar lin-nies, ikun qed jgħid il-gideb, għax huwa politiku falz.
“Meta kien qed iħammeġ, jakkuża u jgħajjar lin-nies, kien qed jgħid il-gideb, għax huwa politiku falz” qal Bonnici fuq Busuttil.
Innota li Simon Busuttil qed jgħid li jrid l-informazzjoni u jekk jiġi elett fil-Gvern jagħti protezzjoni lil min iressaq informazzjoni. Fakkar li kien dan il-Gvern li ġab din il-protezzjoni.
Dak li qed jipproponi Simon Busuttil jeħodna lura u mhux ’l quddiem, għax jispiċċa jkun Busuttil li jiddeċiedi lil min jagħti l-protezzjoni. Dan meta sar sforz biex istituzzjonijiet jiddeċiedu min sa jagħti protezzoni, mhux il-politiku.
“Flok pass ‘l quddiem, huwa pass lura” qal il-Ministru Bonnici, u enfasizza li l liġijiet għamilnihom aħna fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura.
Nerġgħu nisħqu, żied jgħid Bonnici, li jekk hemm storja li mhix fabbrikata, hija tal-invoices tad-DB. “Storja fabbrikata hija ta SB biex mingħalih jirbaħ xi gwadann politiku”. Bħala eżempju ċar semma meta kien hemm libell ta’ Keith Schembri, meta sejjaħlu korrott. Simon Busuttil kellu l-isbaħ opportunità biex iġib il-provi, imma talab differimenti.
Il-Ministru qal li din hija prova tal-falsità ta’ Kap ta’ Oppożizzjoni, li jinsab daru mal-ħajt.