Simon Mercieca, wieħed mill-awturi tar-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista u għal żmien twil kritiku tal-Prim Ministru, issa wkoll qed jibda jemmen li Joseph Muscat huwa iktar onest minn Simon Busuttil.
F’The Malta Indepdent kiteb kif il-Partit Nazzjonalista qed jattakka lil Frank Portelli għax qed jgħid l-affarijiet kif inhuma u fetaħ kritika bla preċedent fil-konfront tal-kap caretaker Simon Busuttil.
F’dikjarazzjoni iebsa, Mercieca qal li minkejja li ħafna ddeskrivew lil Busuttil bħala raġel ta’ prinċipju u l-persuna likellha teradika l-korruzzjoni, hu qed jara iktar onestà f’Joseph Muscat milli f’Busuttil.
Fisser kif Simon Busuttil ma kellu ebda diffikultà jaċċetta l-flus mingħad tad-DB, b’referenza għall-iskema tal-invoices foloz, u tenna wkoll li ried ukoll kuntratturi b’karattru li ddeskriva bħala shady bħala kandidati miegħu.
Innota kif Muscat kellu l-intelliġenza li fejn jiżbalja jammetti, iżda il-Partit Nazzjonalista jemmen li jista’ jgħamel li jrid billi jipponta sebgħu lejn ħaddieħor.
Dwar jekk Busuttil għandux jibqa’ fil-Parlament jew le, Mercieca jaħsibha bħal Mario Galea.
Busuttil għandu jitlaq. Hi ħasra li se jibqa’ jikkontrolla l-partit mill-backbench, hekk kif se jwassal għal sitwazzjoni politika perikoluża, iddikjara Mercieca.
Mercieca ma waqafx hawn, fejn fetħilha wkoll dwar is-sieħba tal-Kap, u dwar il-lingwaġġ li din kienet tuża f’għadd ta’ intervisti li kienu jsirulha.
Dan meta hi kienet tgħid li flimkien ma’ Busuttil, bdiet moviment. Hu fakkar li din qatt ma kienet fil-partit, u ma kellha l-ebda kariga, u allura ma kellha l-ebda dritt li titkellem b’dan il-mod.
Żied li waħda mill-ikbar fjaski li saru, u li turi nuqqas ta’ sinsla li għandhom dawk fit-tmexxija hi l-fatt li ma nħatritx kummissjoni biex tistudja l-ikbar telfa elettorali li qatt kien hawn f’pajjiżna. Fil-fatt, Busuttil lanqas biss irid li jsir rapport.
Temm jgħid li l-profezija ta’ Gonzi fl-elfejn u tliettax, dik li taħt Muscat il-pajjiż se jkun dieħel gass down f’ħajt, saret realtà. Il-profezija iżda, kienet indirizzata lejn il-Kap il-ħażin.