Kompliet toħroġ il-konferma kemm Bernard Grech qed jitmexxa minn imnieħru, fosthom mill-estremisti Karol Aquilina u Lawrence Gonzi.
Dan hekk kif, f’temp ta’ jumejn, kien hemm daqstant kandidati li rtiraw mit-tellieqa għal Segretarju Ġenerali, wara li pubblikament kienu qalu li se jikkontestaw għat-tieni l-ogħla kariga fil-Partit Nazzjonalista.
Wara li, l-Erbgħa, Stefan Caruana ddikjara li kien se jwaqqaf il-kandidatura tiegħu biex jieħu post Michael Piccinino, il-Ħamis ħareġ idoqq l-irtirata Liam Sciberras.
ONE News u l-gazzetta KullĦadd ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat jirrapportaw il-manuvri li kienu għaddejjin fl-Istamperija Tal-Pietà biex Charles Bonello, l-Assistent Personali ta’ Lawrence Gonzi, isir hu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Issa wara li tnejn minn tliet kandidati rtiraw, ġie kkonfermat dak li ilna ngħidu, jiġifieri li missier id-Deputata Bernice Bonello se jkun hu li jokkupa din il-kariga la mhux se jkun ikkontestat.
Dwar l-elezzjoni għal Segretarju Ġenerali, il-ġimgħa l-oħra, saret laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonalista fejn kompla jinqala’ l-ġlied, tant li ma ħareġ xejn konklussiv u nies fid-Dar Ċentrali kienu skomdi jwieġbu ma’ liema żiemel kienu se jżommu, jekk hux mal-favorit Charles Bonello, kif dejjem ried Karol Aquilina u Lawrence Gonzi, jew Stefan Caruana li warajh kien hemm id-Deputat Mark Anthony Sammut.
Li kien żgur li Bernard Grech ma kellux għażla għajr li jobdi.
Kemm dam Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, bħal Bernard Grech, ma ressaq l-ebda kontijiet finanzjarji awditjati lill-Kummissjoni Elettorali bi ksur sfaċċat tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.