Id-Deputat Nazzjonalista David Thake huwa ieħor fil-grupp parlamentari Nazzjonalista ta’ Bernard Grech bil-vizzju li ma jħallasx it-taxxa dovuta.
Fil-faċċata tal-gazzetta The Times ġiet rappurtata storja oħra bħal dik tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li David Thake għandu ftit aktar minn mitejn u sebgħin elf ewro f’VAT dovuta mhux imħallsa.
It-Times irrappurtat li Thake għandu kumpanija tat-telekomunikazzjoni bl-isem ta’ Vanilla Telecoms.
Id-Deputat Nazzjonalista huwa ċ-Chairperson u l-unika shareholder tal-kumpanija bbażata f’Santa Venera u li skont records online tħaddem mal-għaxar persuni.
Thake li jappoġġja, iħeġġeġ u jappoġġja l-protesti ta’ Repubblika u l-Occupy Justice, huwa personalment responsabbli għall-VAT mhux imħallsa.
L-ammont inkwistjoni kwotat mit-Times u li Thake anki ammetta li ma ħallasx huwa ta’ mitejn u sebgħin elf u erba’ mija u erbgħin ewro.
Skont it-Times mal-ftit iżjed minn mitejn tlieta u tletin elf u ħames mitt ewro huma f’VAT mhux imħallsa filwaqt li l-kumplament huma interessi u multi akkumulati talli ma ħallasx mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
David Thake, li jippriedka tant fuq il-korrettezza u jkun minn tal-ewwel biex jagħmel filmati fuq facebook jikkummenta fuq ħaddieħor, issa qal li parti mit-taxxa li ma ħallasx hija marbuta ma’ miżura tal-Covid fejn jidħol differiment tat-taxxa.
David Thake, bħal Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma kienx ħallas eluf kbar ta’ ewro f’taxxa.
Fil-fatt it-Times fakkret kif għal tliet snin, Grech kien biddel id-dikjarazzjoni ta’ x’daħħal flus wara li qabel iddikjara inqas.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qatt ma wieġeb b’mod ċar mistoqsijiet kbar ta’ kif ħallas eluf ta’ ewro f’daqqa f’taxxa dovuta, snin wara li għamel snin ma jonorax l-obbligi fiskali tiegħu.
Dan għamlu biss wara li tefa’ ismu biex joħroġ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bħal Thake u Bernard Grech imbagħad hemm id-Deputat Nazzjonalista ieħor qrib tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi.
Dan kien għamel tliet snin fl-aħħar ħames snin ma jħallasx it-taxxa.
Aktar kmien din is-sena ONE News kien żvela kif għal tliet snin Azzopardi ma bagħatx ir-returns tat-taxxa lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
Saħansitra Azzopardi kien qal li ma qala’ xejn mill-professjoni legali, anki jekk hu magħruf kemm hu Avukat imqabbad.
Wara li ONE News kixiflu għawwaru, Jason Azzopardi mar jiġri jbiddel id-dikjarazzjonijiet li għamel ma’ tat-taxxa.
Dwar dan il-każ ukoll infetaħ ilment għal investigazzjoni mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.