Is-sens ta’ arroganza, vendikazzjoni u superjorita’ ta’ Simon Busuttil qed tilħaq livelli rekord. Wasal biex jgħajjar lil wieħed mill-iktar persuni rispettati fil-ġudikatura Maltija, Philip Sciberras, li nħatar Imħallef minn Eddie Fenech Adami. Imbagħad għajjar lil Karm Vassallo li nħatar Brigadier ukoll minn Eddie Fenech Adami.
Issa qed jgħajjar lil Dr Frank Testa li huwa ċ-Chair tal-Kummissjoni tal-Impjiegi u nħatar bi qbil mal-Partit Nazzjonalista bla ebda dubju fuq l-imparzjalità tiegħu.
Fi kliem il-Partit Laburista, Simon Busuttil iddeċieda li għandu problema li Dr Testa jmexxi inkjesta, kif mitlub il-Ħadd li għadda mill-Prim Ministru, fuq rapport li deher fuq il-Malta Today u li fuqu sal-lum għad m’hemm ebda dettalji. Għalhekk jagħmel tajjeb Simon Busuttil li jikkopera, flok jallega, u jikxef jekk jaf xi ħaġa.
L-istqarrija tal-Partit Laburista temmet tgħid li l-lista ta’ nies li jkeċċi Simon Busuttil kompliet tiżdied għal jum ieħor. Busuttil iżommok biss jekk tkun wieħed minn tiegħu. Jekk le, jkeċċik mingħar notice mal-ewwel ċans li jkollu. Tkun min tkun.