Biex jipprevjenu reati ta’ pickpocketing, l-uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità estendew ir-rondi tagħhom fil-bajjiet, fejn qed ikunu viċin in-nies u jispjegawlhom dwar l-importanza li ma jħallux il-basktijiet miftuħin u waħedhom sakemm jinżlu jgħumu.
ONE News segwa mill-qrib waħda minn dawn ir-rondi fil-bajja tal-Balluta f’San Ġiljan, fejn kien hemm diversi turisti fuq ir-ramel li apprezzaw l-għarfien li bdew iqajmu l-Pulizija.
Fejn kien hemm basktijiet miftuħa, il-Pulizija għalquhom b’tikketta li tgħarraf lis-sid li saret mill-Pulizija wara li ħallewhom miftuħin.
Is-Surġent Mark Cremona spjega minn fejn nibtet din il-kampanja.
Qal, “Il-Pulizija bdew jinnutaw ħafna basktijiet li qed jitħallew miftuħin u nedejna din il-kampanja biex nipprevjenu u nevitaw serq ta’ basktijiet li jkunu miftuħin fuq il-bajjiet. Aħna l-messaġġ tagħna jkun dejjem li nippruvaw nipprevjenu r-reati milli jsiru u b’hekk il-komunità tkun tista’ tgawdi iktar l-ispazji miftuħa b’moħħ iktar liberu u mistrieħ bil-preżenza tagħna fil-komunità.”
Is-Surġent spjega li kuljum, jidħlu medja ta’ ħames rapporti ta’ pickpocketing fil-lokalità ta’ San Ġiljan, u appella biex kull min ikun vittma ta’ serq, jirrapporta.
Spjega, “Bir-rapport li jsir inkomplu nżidu r-rondi tagħna fejn qed isir ir-reat u għalhekk tiġi ħaġa naturali li nkunu qed nipprevjenu u anki dak hu l-iskop ta’ dil-kampanja, sabiex nipprevjenu milli jsiru aktar reati.”
Din il-kampanja hija inizjattiva oħra frott il-proġett tal-Pulizija fil-Komunità, li xahrejn ilu ġie estiż f’disa’ lokalitajiet oħra f’pajjiżna, u li sa sentejn oħra għandu jkopri l-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin kollha.
Qal, “Il-preżenza tagħna sservi ta’ serħan il-moħħ jiġifieri m’għadux dak iż-żmien fejn jaraw pulizija u jibżgħu, però bil-proġett tal-Pulizija fil-Komunità qed inservu ta’ serħan il-moħħ mhux biss għar-residenti li jgħixu fil-komunità imma wkoll għat-turisti li jieħdu pjaċir jitkellmu magħna u jaqsmu wkoll l-esperjenza tagħhom ġewwa Malta.”