M’hemmx limiti għall-botti fil-Partit Nazzjonalista u deputati tal-Partit Nazzjonalista spiċċaw jitfgħu messaġġi diretti lejn mart il-Kap tal-Oppożizzjoni, Nickie Vella De Fremaux. Dan billi jużaw lil Mary Fenech Adami, omm Beppe Fenech Adami u mart l-Eks Kap tal-PN Eddie Fenech Adami.
Mad-deputati ngħaqdu wkoll esponenti oħra tal-partit li huma fost dawk li jmorru jpoġġu l-fjuri u x-xemgħat fil-Belt Valletta u allura ħadu għalihom meta mart il-Kap tal-Oppożizzjoni esprimiet il-weġgħa li binha kien iddiskriminat minn dawk li proprju jgħamlu dan. Kien nhar il-Ġimgħa li Vella De Fremaux fetħet qalbha pubblikament biex tqajjem ukoll kuxjenza dwar kemm il-bullying fuq it-tfal minħabba fehmiet politiċi mhux aċċettabbli.U quddiem il-weġgħa ta’ omm, nies bħal Jason Azzopardi u Paul Borg Olivier ma qagħdux lura milli jattakkaw. B’mod fin iżda li jwassal messaġġ dirett għamluha ċara li għalihom mart il-Kap tal-Oppożizzjoni llum m’għandhiex l-istima li kellha mart Eddie Fenech Adami. Mara li fis-snin l-imgħoddija kien hemm mumenti li wkoll għaddiet minn mumenti diffiċli. Biex wara li kienet Kristina Chetcuti li l-Ħadd li għadda pruvat tibgħat il-messaġġ li ma ġara xejn jekk l-ulied ikunu vittmi ta’ preġudizzju politiku issa ħarġu dawn jgħidu li seta’ kien hemm agħar. Differenti min-nisa ta’ mexxejja llum Mary Fenech Adami għexet fi żmien fejn l-irwol tal-mara, inkluż fis-soċjetà, ma kienx attiv daqs illum u donnu anke għal dan hemm min għandu nostalġija.
Is-sorsi tagħna li ġibdulna l-attenzjoni għal dawn il-kitbiet għamluha ċara li jafu sew li l-botti kienu għal Vella De Fremaux u li jekk Azzopardi u Borg Olivier jimplikaw li setgħu kienu għal Michelle Muscat ma setgħux jitwemmnu. Dan għax għaddew ġimagħtejn minn meta għall-ewwel darba Michelle Muscat tkellmet dwar dak li għaddew minnu wliedha minħabba l-gidba ta’ Egrant u huma kitbu fuq Facebook biss wara li kitbet mart il-Kap tal-Oppożizzjoni. Fil-ktibiet tagħhom qalu li Mary Fenech Adami kienet ta’ eżempju għaliex wara li kienet attakkata d-dar tagħhom f’Birkirkara, episodju li Beppe Fenech Adami għadu jipprova jieħu vantaġġ minnu sal-lum, ma pruvatx tieħu xi vantaġġ u minflok bagħtet lit-tfal l-iskola bl-uniformi nadifa u mgħoddija.
Bl-aġir tagħhom dawn il-persuni qed jippruvaw inaqqsu mill-weġġgħa tad-diskriminazzjoni politika u skont persuni li jaħdmu kontra l-bullying kważi kważi jiġġustifikawha.
Permezz ta’ kitba twila, De Fremeaux qalet li kienet ta’ wġigħ il-qalb tara lil binha jitħalla barra minn festin tal-ikbar ħabib tiegħu.Qalet li binha dam sal-aħħar ġurnata jistenna bil-ħerqa l-invit ta’ festin nhar għeluq snin l-ikbar ħabib tiegħu.
Sostniet li din l-istedina qatt ma waslet, u hi bħala ommu sabitha diffiċli tfiehmu x’kien ġara.
Nickie Vella De Fremeaux tefgħet dawl fuq min hemm wara dawn l-atti krudili u f’indikazzjoni ċara wieġbet wieħed mill-kummenti fejn ikkonfermat li dawn huma l-istess nies li jpoġġu l-fjuri u jixgħelu x-xemgħat il-Belt.
Dan b’referenza ċara għan-nies tal-Occupy Justice li jgawdu l-appoġġ ta’ għadd ta’ deputati Nazzjonalisti fosthom tal-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.