L-ex stilla tal-futbol George Weah ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Liberja.
L-ex plejer ta’ Milan u Paris St. Germain fost l-oħrajn għeleb lil Joseph Boakai li tellaq miegħu fit-tieni rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali.
Weah li wara li rtira mill-futbol, daħal fil-politika u kien anki fis-senat tal-pajjiż, kiteb fuq Twitter li jħossu emozzjonat li se jkollu r-responsabilità ta’ pajjiż f’idu.
Kienu bosta minn dawk li appoġġjaw lil Weah li ħarġu jiċċelebraw fil-kapitali Monrovia.
Il-Liberja għaddiet minn kriżi politika wara l-oħra u ġeneralment il-poter għadda minn persuna għall-oħra wara kunflitt imdemmi.
Weah mistenni jieħu post Ellen Johnson Sirleaf li kienet l-ewwel mara li laħqet President f’pajjiż Afrikan b’mod demokratiku.