Identity Malta nediet permess temporanju għall-awtorizazzjoni tax-xogħol għal ċittadini barranin.
Fi klima ekonomika pożittiva, l-aġenzija Maltija qed tkompli tissimplifika l-proċessi tagħha mingħajr ma jiġu mittiefsa l-kontrolli ta’ sigurtà.
Waqt laqgħa bejn uffiċjali ta’ Identity Malta u l-istakeholders involuti fil-qasam tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ħabbret li mit-Tnejn li ġej se jidħol fis-seħħ permess temporanju li jawtorizza lill-ħaddiema barranin biex jibdew jaħdmu b’mod immedjat ġaladarba jkollhom it-talba milqugħa.
“Permezz ta’ din il-bidla se jkun ifisser li nkomplu nissimplifikaw il-proċessi li taħdem bihom Identity Malta. Ifisser illi filwaqt illi qabel ħaddiem ikun ħa l-bio-metrics imbagħad irid joqgħod jistenna sa anki xahrejn biex jinħariġlu l-permess, b’din il-bidla se jkun ifisser li minn nhar it-Tnejn li ġej ħaddiem jieħu l-bio-metrics tiegħu u mill-binja ta’ Identity Malta joħroġ permess temporanju u li bih ikun jista’ jaħdem permezz ta’ dak id-dokument dakinhar jew l-għada stess.”
Il-verifiki mill-Pulizija u Jobsplus fuq ċittadini barranin li jiġu jaħdmu f’Malta se jibqgħu jsiru qabel mal-applikant ikun innotifikat bid-deċiżjoni meta jkun għadu barra mill-pajjiż.
Fl-eventwalità li r-rekwiżiti stipulati ma jkunux onorati, il-proċess jitwaqqaf immedjatament.
Barra minn hekk dan il-permess temporanju mhux validu għas-safar.
Hawn hekk sar aċċenn qawwi mis-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli li permezz ta’ din il-proċedura l-ġdida li se taddotta Identity Malta, filwaqt li ser tkompli tittaffa l-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol, ser tonqos il-possibbiltà li dawn il-ħaddiema jaħdmu mingħajr l-awtorizzazzjoni neċessarja.
F’dan l-isfond tkellem ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, li faħħar din l-inizzjattiva.
“Din il-miżura tindirizza parti mill-problema. Jiena naħseb illi ħafna ażjendi ħa jibbenefikaw minnha.”