Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanzi u Simplifikazzjoni ġie infurmat li Identity Malta talbet lill-pulizija tinvestiga allegat każ ta’ misappropjazzjoni ta’ fondi fil-Unit tal-Passaporti.
Jirriżulta li meta t-tmexxija ta’ Identity Malta temmet proċess ta’ rikonċiljazzjoni, li jinkludi analiżi tal-irċevuti kollha maħruġa mill-Unit, kontra t-transazzjonijiet tad-depositi bankarji, instab li kien hemm diskrepanza fil-figuri. Mill-ewwel indikazzjoni jidher li d-diskrepanza tammonta għal bejn €20,000 u €25,000.
Illum, Identity Malta sabet fil-pussess ta’ impjegat responsabbli minn dawn it-transazzjonijiet irċevuti li kienu mbagħbsa. Is-Segretarjat Parlamentari huwa nfurmat li meta mitlub jispjega din is-sitwazzjoni mit-tmexxija ta’ Identity Malta, il-ħaddiem ammetta li kien ħa l-flus u offra li jroddhom lura, bil-patt li ma tiddaħħalx il-Pulizija.
Dak il-ħin stess Identity Malta talbet lill-Pulizija biex tibda l-investigazzjonijiet meħtieġa. Il-ħaddiem ikkonċernat qed ikun interrogat u jinsab sospiż. Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli tisħaq li l-ebda abbuż mhu se jiġi ttollerat.