L-aġenzija Identity Malta ċaħdet b’mod katergoriku li rrevokat ir-residenza tal-persuna, li fil-Qorti qed toħroġ b’diversi allegazzjonijiet dwar l-elezzjoni ġenerali.
Filwaqt li ċaħdet ukoll l-allegazzjonijiet infondati li saru fil-konfront tagħha f’rikors fil-Qorti, fi stqarrija ldentity Malta spjegat li għall-kuntrarju ta’ dak allegat, il-permess ta’ residenza temporanju ma ġiex imġedded mill-persuna konċernata nnifisha.
Fil-fatt, anke hekk kif wieġbet għal mistoqsijiet mit-Times u mingħajr ma kixfet l-identità tal-persuna, Identity Malta sostniet li l-applikant ma sottomettiex id-dokumentazzjoni neċessarja biex il-permess ta’ residenza tiegħu jiġi mġedded. Dan minkejja wkoll li ġie nnotifikat minn qabel b’dan in-nuqqas tiegħu.
B’rabta mal-allegazzjonijiet, li jikkonċernaw l-aħħar elezzjoni ġenerali, Identity Malta ċaħdet ukoll fl-istqarrija tagħha li r-Reġistru Pubbliku naqas milli jipproċessa notifiki ta’ mewt.
Fil-fatt, iċċarat li r-Reġistru Pubbliku jipproċessa kwalunkwe notifika ta’ mewt li tasal għandu u skont proċeduri stabbiliti. Man-notifika tal-mewt, ir-Reġistru Pubbliku jiġbor ukoll il-karta tal-identità tal-persuna deċeduta.