Il-Prim Ministru Robert Abela ħa d-deċiżjoni li l-aġenziji Identità u Jobs+ ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-istess Ministeru, bil-għan li tiġi msaħħa u kkordinata l-ħidma marbuta mal-immaniġġjar ta’ ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol Malti.
Għal dan il-għan, il-Ministru Byron Camilleri issa se jkun qed iservi bħala Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol. B’konsegwenza ta’ din il-bidla, ir-riformi u l-ugwaljanza issa se jkunu qed jimxu taħt id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, bis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tibqa’ fdata bir-responsabbiltà tas-setturi.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-ħidma fis-suq tax-xogħol trid tibni wkoll fuq il-ħidma importanti u b’saħħitha li nbdiet mill-Ministru Clyde Caruana.
Ingħad li l-Gvern ilu għal diversi xhur jieħu azzjonijiet diretti u kkordinati biex il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin jissaħħaħ, tiżdied il-kwalità u s-suq tax-xogħol Malti jassorbi l-ħaddiema li għandu bżonn u mhux iktar.