L-aġenzija Identità ħabbret li kisbet b’suċċess iċ-ċertifikazzjoni tal-ISO 27001, standard magħruf internazzjonalment u li jiffoka fuq is-sigurtà tal-informazzjoni, waqt li jassigura konformità msaħħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u leġiżlazzjoni oħra.
Din il-kisba sinifikanti tixhed l-impenn tal-aġenzija biex tkompli ssaħħaħ is-sigurtà u tipproteġi l-integrità tad-dejta, filwaqt li ssaħħaħ il-protokolli tagħha dwar sigurtà ċibernetika.
Fi stqarrija ngħad li d-Dipartiment tal-Informazzjoni Teknoloġika fi ħdan l-aġenzija ddedika ħafna ħin biex jibni u jimplimenta Sistemi tal-Immaniġġjar tas-Sigurtà tal-Informazzjoni, b’saħħithom biex jiġu indirizzati r-riskji, is-sigurtà tad-dejta u biex tkun konformi mal-istandards rigorużi stipulati mill-ISO 27001.
L-aġenzija spjegat li dan is-suċċess hu frott ħidma twila, waqt li se tkompli ssaħħaħ l-isforzi biex tkompli tassigura l-valur u l-affidabbiltà tagħha lejn il-Gvern, iċ-ċittadini u r-residenti kollha rispettivament.