Identità ċaħdet kategorikament l-allegazzjonijiet ta’ ksur tas-sigurtà fil-bini tagħha fl-Imsida, jew li rċeviet xi ordni mingħand il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta.
Dan wara allegazzjonijiet li saru minn Jason Azzopardi fuq Facebook.
Fi stqarrija, Identità spjegat kif dalgħodu daqq allarm fuq żewġ sulari fil-bini tal-Imsida, inkluż is-sular fejn tinsab il-kamra tas-servers. Is-sejbiet preliminari jissuġġerixxu li l-allarm falz kien ikkawżat minn sensor difettuż.
Spezzjoni li saret bir-reqqa fil-kamra tas-servers u tal-bini kollu, żvelat li ma kien hemm l-ebda problemi jew irregolaritajiet.
Ġie spjegat kif ma kien hemm l-ebda ksur tas-sigurtà, u s-sistemi tal-Aġenzija baqgħu kompletament intatti. Filmati tas-CCTV ma wrew l-ebda sinjali ta’ għemil ħażin.
L-Aġenzija enfasizzat li l-ebda applikazzjoni jew dokumenti sottomessi mhuma miżmuma fil-kamra inkwistjoni peress li s-servers tal-Aġenzija huma ospitati mill-MITA. Barra minn hekk, Identità ma rċeviet l-ebda deċiżjoni jew ordni mill-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta. Id-deċiżjoni li jiġu ssiġillati l-arkivji tal-Unità tal-Expatriates ittieħdet mill-management.
L-istqarrija temmet tgħid li l-bini ta’ Identità huwa taħt sorveljanza kontinwa minn ħaddiema tas-sigurtà, b’monitoraġġ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, bil-logs kollha tal-entratura u l-filmati tas-CCTV huma rreġistrati b’mod sigur u aċċessibbli esklussivament minn persuni awtorizzati.