“Is-sewwa jitlob li jekk ikun hemm kwalunkwe allegazzjoni għandu jkun hemm rapport lill-awtoritajiet konċernati.”
Tenna dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri f’kummenti meta mistoqsi mit-Times of Malta dwar il-bidu ta’ inkjesta maġisterjali li tħabbret dalgħodu.
Il-Ministru Camilleri spjega li, fl-aħħar ftit jiem, kienet l-aġenzija Identità stess li mxiet ma’ tali proċedura u kienet hi stess li rrapportat lill-Pulizija, tant li hemm ukoll persuni li tressqu l-Qorti.
Il-Ministru tenna li, f’dan il-każ, jidher biċ-ċar li din l-entità qed timxi bi skrutinju totali hekk kif ħadet il-passi kollha li hemm bżonn, waqt li temm jgħid li, jekk jirriżulta li xi ħadd għamel ħażin, għandu jweġeb għal għemilu quddiem il-ġustizzja.