Ġew identifikati żewġ siti deżenjati fejn is-sidien tal-karavans u l-Kampers ikollhom post organizzat u mgħammar bil-faċilitajiet adegwati.
Is-siti magħżula jinsabu fin-Naxxar u l-Mellieħa; fl-Għoqot f’Baħar iċ-Cagħaq li jagħmel man-Naxxar, u dawk tal-Qortin it-Twil fl-Armier limiti tal-Mellieħa.
Iż-żewġ Kunsilli Lokali rispettivi b’koperazzjoni mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ssottomettew applikazzjoni bis-sistema tad-Development Notification Order ħalli mal-ħruġ tal-permessi relattivi, dawn is-siti jissebħu u anke jiżdidulhom il-facilitajiet.
Mad-dħul fis-seħħ tal-avviż legali fl-ewwel ta’ Lulju b’rabta mal-bidliet il-ġodda b’konnessjoni mar-regolamenti għal dawk li jużaw il-karavans u l-campers fil-ħin liberu tagħhom, kompla għaddej proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi esperti fid-delizzju tal-camping, biex il-livell ta’ interventi li jseħħu f’dawn l-inħawi, u potenzjalment f’żoni oħra li qed jiġu mistħarrġa, isiru bl-ikbar rispett lejn l-ambjent u anki l-ekoloġija.
Dan ix-xogħol se jinkorpora wkoll l-introduzzjoni tas-servizzi meħtieġa, bzonnjużi u li huma mixtieqa.
Dawn iż-żewġ siti se jkunu jistgħu joffru spazju għal madwar tmenin karavan u kampers.
Minn meta ġie mniedi l-avviz legali, f’dawn l-erba’ ġimgħat, kien hemm aktar minn erba’ mija u ħamsin applikazzjoni għal kampeġġ temporanju. Kienu biss ħamsa u tletin li ġew miċħuda mill-kunsilli rispettivi.
Infatti mill-bidu ta’ dan ix-xahar, kull min juża karavan irid japplika fil-kunsill lokali rispettiv għall-permess bi ħlas ta’ ħames ewro għal kull jum.
Fiż-żewġ siti deżenjati – li se jkollhom ukoll is-servizzi – il-ħlas se jkun ta’ għaxar ewro għall kull gurnata ta’ ipparkjar, u wieħed jista’ jibqa’ juża dan is-servizz sa sebat ijiem.
Dwar dan tkellimna mal-Ministru, Owen Bonnici.
Qal, “Dan il-pass jiġifieri li jkun hemm żewġ kunsilli lokali li japplikaw għall-ħruġ biex ikun hemm designated sites bis-servizzi biex nies bil-karavans ikunu jistgħu immorru jikkrejaw ruħhom huwa pass ieħor mir-riforma li aħna li wettaqna. Jien infakkar li l-għan tar-riforma huwa li noħolqu bilanċ lejn id-dritt tan-nies li jaċċeddu għall-kosta, li jkollhom id-dritt li jmorru ħdejn ix-xtajtiet mingħajr diffikultajiet u d-dritt li persuni li jħobbu il-karavans u l-kampers biex jirrikrejaw ruħhom f’dan id-delizzju li huwa għall-qalbhom ħafna. Jien dejjem nappella li rridu niġbdu ħabel wieħed, id f’id mal-kunsilli lokali, id f’id ukoll man-nies li jħobbu dan id-delizzju biex dan il-bilanċ jintlaħaq.”
Diversi Kunsilli Lokali li aċċettaw permessi temporanji f’postijiet diversi għall-karavans u kampers jinkludu l-Kalkara, il-Mellieħa, Marsaxlokk, in-Naxxar, il-Belt Valletta, ix-Xgħajra, Birżebbuġa u ż-Żebbuġ Għawdex.
Għaddejjin taħditiet biex iktar Kunsilli jaċċettaw permessi temporanji.