Żvilupp dwar il-każ tal-mewt ta’ Marie Claire Lombardi ta’ 45 sena, li tilfet ħajjitha traġikament f’Ottubru li għadda b’inċident bil-mutur fi Triq l-Imdina, ir-Rabat.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dakhinar kienu rrużultaw li t-traġedja seħħet wara li kannestru mimli żebbuġ waqa’ f’din it-triq, u bl-ammont ta’ karozzi li għaddew minn hemm, dan tgħaffeġ, u x’ħin il-vittma kienet qed iddawwar il-mutur ħadha u ħabtet bis-saħħa fil-bankina.
Il-Pulizija kienet appellat ukoll lill-pubbliku sabiex jgħin fl-investigazzjonijiet u jagħti kull informazzjoni fuq min seta’ “ħalla materjal li jiżloq fi triq fir-Rabat li seta’ wassal għall-mewt ta’ mara.”
Intant, illum l-investigazzjonijiet mill-Pulizija wasslu sabiex tiġi identifikata l-persuna li ħalliet l-materjal li jiżloq fit-triq u li kawża tiegħu, Marie Claire Lombardi tilfet ħajjitha.
Din il-persuna, mistennija titressaq il-Qorti llum, akkużata b’omiċidju involontarju, fost oħrajn.
Il-Pulizija tixtieq tirringrazzja lill-pubbliku għall-għajnuna tiegħu.
Ara l-intervista li ONE News kien għamel ma’ żewġha.