Fi ftit jiem wara l-omiċidju ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke, il-Pulizija arrestat erba’ persuni li qed jitqiesu bħala s-suspettati ewlenin wara dan l-omiċidju. Dan anke jekk fil-bidu dan il-każ beda jidher bħala kobba mħabbla.
L-erba’ persuni huma żewġt irġiel u żewġ nisa, fejn ONE News jista’ jikkonferma li tnejn minnhom huma; Malti u Libjan li ilu jgħix f’pajjiżna. Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma wkoll li wieħed mis-suspettati ewlenin huwa Elliot Paul Busuttil li bħalissa għaddej bi proċeduri l-qorti fuq każ ta’ attentat ta’ qtil fost l-oħrajn. F’Settembru tas-sena elfejn u għoxrin, Busuttil minn Ħ’Attard kien ġie mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ raġel Bulgaru f’Ta’ Qali. Dan wara li allegatament kien seraqlu flusu
B’mod esklussiv one.com.mt żvela li t-tieni suspettat arrestat hu Ramzi Abdulhafid Ib Abukem, Libjan li wkoll għaddej bi proċeduri fil-qorti dwar omiċidju ieħor li seħħ fl-erbatax ta’ Mejju tas-sena 2018. F’dan l-omiċidju kien inqatel Libjan ieħor fi Triq il-Kapillan Mifsud fil-Ħamrun.
ONE News hu nfurmat ukoll lill-Pulizija rnexxiela tasal għas-suspettati ewlenin wara li analizzat diversi kameras tas-sigurta’, u kif ukoll użat informazzjoni ċellulari. Il-Pulizija wkoll għadha qed tipprova tistabilixxi l-post fejn inqatel Mario Farrugia hekk kif sa issa hu mifhum li d-delitt sar f’post ieħor u mhux fejn instab fil-bagoll tal-karozza tiegħu fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi. Minkejja li ż-żona fejn instab hi waħda magħrufa għall-abbuż tad-droga, l-investigaturi, sa issa, mhux qed jaħsbu li dan l-omiċidju kellu x’jaqsam ma’ droga. Dan għalkemm f’dan l-istadju xejn ma jista’ jkun eskluż. Filfatt is-suspettati qed jiġu mitkellma mill-Pulizija bil-għan li jintefa’ iżjed dawl fuq il-mottiv wara dan l-omiċidju. Sorsi qallu li sa issa ma hemm l-ebda ħjiel dwar il-mottiv, anke minħabba l-fatt li uħud mis-suspettati qed iżommu fommom sieket. Filfatt is-siegħat li ġejjin se jkunu kruċjali fosthom sabiex il-Pulizija tkun tista’ tistabilixxi l-post fejn inqatel Farrugia. Dan huwa essenzjali biex il-Pulizija tkun tista tibni każ b’saħħtu fil-qorti.
Intant, fi stqarrija l-Pulizija qalet li b’rabta ma dawn l-arresti saret operazzjoni konġunta mifruxa fi tliet lokalitajiet differenti mmexxija mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, flimkien mad-Distrett ta’ San Ġiljan u uffiċjali tal-laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija. Ġie spjegat li kien wara s-sitta tal-Erbgħa filgħaxija x’ħin il-Pulizija ċċirkondaw tliet postijiet differenti f’Ħ’Attard, fl-Imsida u fil-Mosta. F’residenza f’Ħ’Attard ġie arrestat raġel. Żewġ persuni oħra, raġel u mara ġew arrestati fl-Imsida, u mara oħra ġiet arrestata f’dar fil-Mosta. Mill-postijiet fejn saru l-arresti, ġew elevati diversi affarijiet li jistgħu jkomplu jgħinu fl-investigazzjonijiet.
Il-katavru ta’ Farrugia nstab fi stat qawwi ta dekompozizzjoni nhar it-Tlieta 5 ta’ April, jiem wara li ġie rrapurtat nieqes. ONE News kien żvela li hu qala’ madwar 45 daqqa ta’ sikkina b’dawk fatali jkunu fil-qalb u l-pulmun, b’uħud mid-daqqiet l-oħra kienu aktar f’forma ta’ grif. Filfatt mhux eskluż li qabel inqatel Farrugia għadda ħin jissielet għal ħajtu u jiddefendi ruħu.
Il-katavru tiegħu kien instab wara li xi persuni rrapurtaw li kienet qed tinxtam riħa qawwija fiż-żona tal-wied ta’ Ħal Qormi. Malli wieġbet għas-sejħa l-Pulizija kienet għamlet is-sejba makabra ta’ katavru b’wiċċu mogħti impoġġi fil-bagoll tal-karozza tiegħu, Peugout ta’ lewn griż, propjetà ta’ Farrugia stess.
Minħabba l-istat li nstab fih kellhom ikunu t-testijiet tad-DNA li jikkonfermaw l-identità ta’ Farrugia. B’din il-konferma l-Pulizija mbagħad setgħet tibda tistudja aħjar ħajjet Farrugia, u l-aħħar passi tiegħu.
B’dan l-iżvilupp tal-arrest ta’ erba’ persuni b’rabta ma dan il-qtil, nifhmu li l-Pulizija tinsab fil-qrib li anki ssolvi dan l-omiċidju. Filfatt mhux eskluż li xi wħud mill-arrestati jitressqu l-qorti fis-siegħat li ġejjin.
Sa mis-sena 2018 ‘l hawn il-Pulizija solviet l-omiċidji kollha li saru. Apparti minn hekk l-Iskwadra tal-Omiċidji kienet kruċjali wkoll biex bdew jissolvew omiċidji oħra li saru fil-passat.