Tnediet sejħa internazzjonali biex ikun attirati operaturi (internazzjonali jew lokali) biex iressqu l-proposti tagħhom għal konċessjoni tad-disinn, il-bini, il-finanzjament, l-operat u l-manteniment taċ-ċentru ta’ loġistika internazzjonali f’Ħal-Far.
Il-vizjoni tal-Gvern hija dik li din l-art f’Ħal-Far, b’daqs ta’ 45,000 metru kwadru tiġi żvillupata f’Hub strateġiku f’Malta għal kummerċ internazzjonali.
Il-Ministru Chris Cardona qal li s-sit identifikat huwa dak li prezentament jintuża bħala Customs Groupage Complex u l-ħsieb huwa li dan il-proġett jinkorpora fiħ l-operat ezistenti. Dan is-sit jinsab f’nofs triq bejn il-Port Ħieles u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kif ukoll viċin zona industrijali ewlenija. Studji li saru qabel tfasslet din is-sejħa internazzjonali, kkonfermaw li dan is-sit għandu potenzjal kbir bħala ċentru ta’ loġistika. Is-sit għandu jkun żviluppat, klassifikat u wżat bħala Custom Free Zone jew bħala Custom Warehouse.
Diġa kien hemm diskussjonijiet mal-operaturi li joperaw mill-Groupage Complex, li fil-preżent jammontaw għal 34. Dawn ġew żgurati li bil-proġett, l-operat u l-kundizzjonijiet tagħhom mhux se jinbidlu.
Il-Minsitru qal li l-Gvern tkellimna f’diversi okkazzjonijiet dwar il-vizjoni li għandu għal dan is-settur. Illum, tnieda l-ewwel pass konkrett fit-twettieq ta’ din il-viżjoni.
Il-benefiċji ekonomiċi ta’ dan il-proġett huma varji, ewlenin fosthom il-ħolqien tal-impjiegi.
“Fl-istess waqt konxji li se tkun sfida wkoll għal operatur li se jidħol għal dan il-proġett li jsieb il-ħaddiema neċessarji u għalhekk qed nikkommettu ruħna li ngħinu fit-tħejjijiet u t-taħriġ neċessarju” qal il-Ministru Cardona, filwaqt li żied li l-Malta Enterprise diġa qed tikkonsulta ma’ diversi stakeholders fil-privat u fis-settur pubbliku.
Sostna li din l-industrija tista’ tkun waħda mill-pilastri ewlenin għal Malta u li l-loġistika, flimkien mal-edukazzjoni u l-life sciences huma setturi li għandhom isostnu t-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna.
Aħna ottimisti li bl-istess mod kif irnexxilna nattiraw investiment fi proġetti bħal American University of Malta u l-Barts Medical School, kif ukoll riċentament Crane Currency, l-istess se nagħmlu wkoll f’dan is-settur.
Bħal m’għamilna sa mill-bidu ta’ dan il-Gvern, se nutilizaw il-Budget biex inkomplu nindirizzaw dawn l-isfidi, nħajjru aktar nies jersqu lejn id-dinja tax-xogħol u nkomplu nistimulaw l-ekonomija.
Spjega li l-viżjoni tal-Gvern għas-settur tal-loġistika mhix limitata biss għal din is-sejħa internazzjonali, imma wkoll għal inizjattivi oħrajn. Hawn ħabbar li l-Malta Enterprise għaddejja b’diskussjonjiet biex ikunu identifikati siti oħrajn li jistgħu jservu għal dan l-iskop, ħalli fi żmien li ġej pajjiżna jkun trasformat ukoll f’ċentru tal-loġistika fil-Mediterran.
Il-Misitru qal li kemm il-Gvern kif ukoll il-Malta Enterprise qed iħarsu ‘l quddiem biex ikomplu jiddiskutu, ewlenija fosthom mal-Kamra tal-Kummerċ li ħatret kumitat iffukat fuq dan is-settur.