Shamsud-Din Jabbar, Amerikan mill-Istat ta’ Texas, ta’ 42 sena, ġie identifikat bħala l-aggressur li, fiċ-ċelebrazzjonijet tal-bidu ta’ sena ġdida, f’New Orleans, saq trakk fuq folla ta’ nies. Konsegwenza t’hekk 15-il persuna tilfu ħajjithom u aktar minn 30 persuna oħra ndarbu.
Jabbar inqatel minnufih fuq il-post wara sparatura li kellu f’konfront mal-Pulizija.
Dan l-inċident qed jiġi mequjs bħala wieħed ta’ natura t’attakk terroristiku, hekk kif l-FBI, l-ogħla aġenzija tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Uniti, sabet bandiera fit-trakk li saq bih Jabbar li tappartjena l-grupp terroristiku tal-Istat Iżlamiku, l-ISIS.
Sadanittant, l-istess Federazzjoni Investigattiva qed tisħaq li dan l-attakk ma kienx motiv personali, hekk kif instabu filmati awdjo-viżivi fejn fih, Jabbar jidher jgħid li se jingħaqad mal-grupp terroristiku.
Aktar minn hekk, f’Airbnb li kien qed joqgħod fiha, instabu materjali esplussivi li kienu lesti biex allegatament, jagħmel bomba.
Intant, bosta awtoritajiet għaddejjin b’investigazzjoni ulterjuri biex jaraw jekk hemmx konnessjoni fl-attakk li sar f’Las Vegas meta fl-ewwel tas-sena, splodiet karozza quddiem it-Trump International Tower.