Ġermaniż ġie uffiċjalment iddikjarat bħala suspettat fil-każ tal-għajbien ta’ Madeleine McCann, it-tifla ta’ tliet snin li sparixxiet mill-appartament li kienet fih flimkien mal-familja tagħha, waqt btala fil-Portugall lura f’Mejju tal-2007.
Is-suspettat huwa identifikat bħala Christian B, li fl-2020 midja Ġermaniża kienet indikat li seta’ kien hu li ħataf liċ-ċkejkna.
Ir-raġel bħalissa jinsab jiskonta sentenza l-ħabs wara li kien instab ħati li stupra anzjana ta’ 72 sena, sentejn qabel l-għajbien taċ-ċkejkna.
Is-suspettat huwa wkoll pedoflu.
Din hija l-ewwel darba li l-prosekuturi Portugiżi identifikaw suspettat b’mod uffiċjali fil-każ ta’ McCann.
Din id-dikjarazzjoni hija meqjusa bħala pass importanti fl-investigazzjonijiet tal-każ; hekk kif fit-3 ta’ Mejju, il-każ ikun ilu li nfetaħ 15-il sena, u li skont il-liġi Portugiża, ma jkunx aktar possibbli li xi ħadd jiġi ddikjarat bħala suspettat wara d-data tal-iskadenza.
Għall-ewwel kienu l-ġenituri tat-tifla li kienu meqjusa bħala s-suspettati ewlenin, iżda huma ġew meħlusa mill-akkużi ftit taż-żmien wara.