Il-Belġjan ta’ tnejn u sittin sena li tilef ħajtu fid-diżgrazzja fiż-Żurrieq jumejn ilu, ġie iddentifikat bħala Koen De Vrieze.
Meta tilef ħajtu, huwa kien fis-seba jum tal-btala tiegħu li kien qiegħed jagħmel ma’ martu f’pajjizna. Il-mara tiegħu li, wkoll kienet fuq il-vettura, ma ġralha xejn.
Sfortunatament, mara ta’ sebgħa u tletin sena minn Spanja ukoll tilfet ħajjitha.
Intant, tliet persuni mit-tmienja li sa lbieraħ kienu qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei, ġew rilaxxati matul il-jum.
Biex fil-preżent, fl-isptar għadhom qed jingħataw il-kura ħames persuni: tliet adulti u żewġt itfal.
Minnhom hemm erbgħa li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva – fosthom żewġ ċkejknin Ingliżi ta’ sitta u tmien snin. Wieħed minnhom qiegħed f’qagħda stabbli tant li mistenni joħroġ u jittieħed f’sala għat-tfal fil-ħin li ġej, iżda l-ieħor jinsab f’qagħda kritika ħafna.
Tnejn mill-adulti wkoll jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
B’reazzjoni għal din it-traġedja, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu waqqfet taqsima biex toffri sosten lit-turisti affettwati f’dan il-mument tant diffiċli.