L-iżvilupp tal-proġett Town Square kien f’ilsien ir-residenti Slimiżi.
Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema semma’ leħnu kontra l-iżvilupp ta’ 38 sular fi Qui-si-Sana. Qed jilmentaw fost oħrajn għax il-proġett mistenni jieħu 10 xhur xogħol ta’ skavar, erba’ snin ta’ bini u jwassal għal żieda ta’ 6,000 karozza fiż-żona.
Fi stqarrija l-Awtorità qalet li dokumenti relatati ma’ din l-applikazzjoni kienu disponibbli għall-pubbliku. Spjegat li peress li l-applikazzjoni saret fl-2007, id-dokumenti ma kienux disponibbli kollha f’forma diġitali. Barra minn hekk, uffiċjal tal-Awtorità stqarr ma’ one.com.mt li d-dokumenti ma setgħux jintbagħtu b’email minħabba l-ammont li huma voluminużi u jaqbżu l-ammont ta’ megabytes permessibbli bis-sistema ta’ posta elettronika.
L-istess kelliem qal li l-ġimgħa li għaddiet, l-Awtorità stiednet lill-partijiet kollha interessati jersqu lejha sabiex jaraw b’għajnejnhom id-dokumenti relatati mal-applikazzjoni. Qalilna li ħadd mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ma resaq lejn l-Awtorità sabiex jara dawn id-dokumenti.
Fl-istqarrija tagħha l-bieraħ, l-Awtorità qalet li hija prattika normali tal-periti u l-partijiet interessati li jitolbu biex jaraw l-applikazzjonijiet tal-ippjanar u d-dokumenti relevanti.
Kompliet tispjega li l-lukanda Fort Cambridge ma kinitx inkluża fl-Environment Impact Assessment, għaliex biex proġett ikun inkluż f’dan l-istudju, jeħtieġ ikun validat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-lukanda għadha ma waslitx f’dan l-istadju.
L-Awtorità ikkonfermat li wara taħdit ma konsulenti, il-proġett se jżied mitt spazju ta’ parkeġġ fiż-żona kummerċjali. Se jipprovdi wkoll parkeġġ għar-residenti. Barra minn hekk sar studju dwar l-ammont ta’ traffiku minn u lejn Tigne biex il-proġett jagħmel sens.
Matul laqgħa pubblika li se ssir din il-ġimgħa, il-bord tal-ippjanar li jinkludi rappreżentant tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, se jkun jista’ jagħmel mistoqsijiet dwar il-konklużjonijiet mill-konsulenti maħtura u d-Direttorat tal-Ippjanar.