“Il-Gvern għandu viżjoni u strateġija biex iżomm l-oqsma tal-anzjanità u tad-diżabilità fiċ-ċentru tal-politika soċjo-ekonomika. Filwaqt li l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali kienu u jibqgħu dejjem sagri u indispensabbli, aħna kontinwament miftuħin għal ideat ġodda li jwasslu għal aktar effiċjenza u effikaċja.”
Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta ppreżentat il-premju The Social Innovation Challenge: Enable and Engage. Din il-kompetizzjoni għal individwi jew gruppi ta’ persuni li għandhom ideat innovattivi fil-qasam tal-anzjanità u tad-diżabilità saret b’kollaborazzjoni bejn l-Istitut Edward De Bono tal-Università ta’ Malta u s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, bl-appoġġ ta’ MAPFRE Middlesea.
Justyne Caruana fakkret kif kultant fil-ħidma kollha għal anzjanità attiva ninsew li l-fatt li l-popolazzjoni tixjieħ huwa fih innifsu kisba kbira, riżultat ta’ miżuri innovattivi varji li jġibu ’l quddiem is-saħħa u l-ħajja soċjali għal persuni li kibru fl-età. “Fi żmien relattivament qasir, flimkien wettaqna revoluzzjoni siekta f’dan il-qasam u f’dak tad-diżabilità. Dan wettaqnih u nkomplu nwettquh bi strateġiji li jmorru lil hinn minn dak li tradizzjonalment huwa konness ma’ dawn iż-żewġ oqsma. Dan ma ngħidux b’sempliċi sodisfazzjon, imma wisq iktar bil-kuraġġ li nissoktaw naħdmu aktar fis-snin li ġejjin. Kull proġett imwettaq u kull miżura implimentata iżidulna l-ħerqa għal aktar ħsieb u aktar innovazzjoni,” qalet is-Segretarju Parlamentari Caruana.
Hija fissret li f’dawn l-aħħar snin hija kienet responsabbli minn ħafna inizjattivi li saru f’diversi dipartimenti u fakultajiet fl-Università ta’ Malta, bl-għan li l-studenti jkollhom esperjenza hands-on fil-qasam tal-anzjanità u tad-diżabilità. Dan sar f’diversi fakultajiet, bħall-Fakultà għall-Ambjent Mibni u dik għat-Tisħiħ tas-Soċjetà. Hija nnutat li l-Università qed toħroġ aktar mill-ambjent akkademiku tagħha u tidħol aktar f’diversi oqsma tal-ħajja tal-pajjiż, u din il-kompetizzjoni tkompli turi l-interess tal-akkademiċi u l-istudenti fl-iżviluppi soċjali fil-komunità.
“Il-Gvern għandu tragward li jrid jilħaq u dan jinkludi tiġdid kontinwu u ideat friski għal realtajiet u żviluppi ġodda tul l-itinerarju stabbilit. Dan joħroġ mill-fatt li l-Gvern jippjana għal tul ta’ żmien, għal-lum u għal li ġej, fejn allura erba’ snin ikunu biss il-bidu ta’ epoka itwal ta’ aktar ħidma, aktar ippjanar u aktar innovazzjoni. Għalhekk jien ma nemminx f’xogħol kożmetiku għax dak li nwettqu llum irid ikun il-bażi soda għal dak li għad irridu nwettqu ’l quddiem,” saħqet Justyne Caruana.
Is-Segretarju Parlamentari Caruana temmet billi raddet ħajr lill-Istitut Edward De Bono tal-Università ta’ Malta u MAPFRE Middlesea li għenu bis-sħiħ biex dan il-premju jirnexxi, kif ukoll lil Dr John Mary Farrugia u s-Sinjura Amber Keurntjes, rebbieħ u runner-up rispettivament tal-premju, lis-Sur Norman Mifsud, kap tar-riżorsi umani tal-MAPFRE MSV Life, u lil dawk kollha li ħadu sehem.
Għall-okkażjoni attendew diversi akkademiċi mill-Università ta’ Malta u uffiċjali tad-dipartimenti konċernati, tal-Aġenzija Sapport, u tal-Kummissjoni Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.