Wara l-qtil brutali ta’ Paulina Maria Dembska, il-Korp tal-Pulizija saħaq li l-ebda tfajla ma daħlet ebda rapport għand il-Pulizija ta’ fastidju sesswali mis-suspettat fil-qtil, Abner Aquilina
Fil-midja ħarġu chats li juru allegatament lil Aquilina jistieden lin-nisa biex ikollhom x’jaqsmu miegħu.
Saħansitra ingħad li Aquilina ta fastidju lil tifla ta’ erbatax-il sena.
Dawn iċ-chats li ħasbu lill-Korp tal-Pulizija, juru l-mod aggressiv kif wieġeb is-suspettat meta in-nisa ma tawh wiċċ.
Quddiem dan kollu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija li tappoġġja l-vittmi tal-kriminalità, Brian Farrugia enfasizza il-punt biex il-vittmi ma joqogħdux jibżgħu milli jirrappurtaw.
Huwa stieden lin-nies biex jagħmlu kuntatt mal-aġenzija, għax barra li s-servizz huwa b’xejn u jingħata b’mod kunfidenzjali, huwa importanti li wieħed ifittex l-għajnuna mill-ewwel.
Staqsejnieh għaliex huwa ta’ ħtieġa li l-vittma ma toqgħodx taħsibha biex tirrapporta.
Qal, ‘U aktar ma tħalli dawn l-affarijiet jinfluwenzaw ħajtek, int qatt ma tista’ tirkupra ħajtek kif kienet qabel. Għalhekk aħna l-appell tagħna hu li kemm jista jkun, jagħmlu kuntatt magħna minnufih, dan jista jkollok persuni li qegħdin jissawtu, m’hemmx raġel jew mara jiġifieri, anki f’relazzjoni, jistgħu ikunu anzjani li jkunu misruqa, żgħażagħ li jkunu bullied. Kull forma ta’ att kriminali anki saħansitra theddid u insult iħalli dawn l-effetti li qed insemmi, l-effetti tat-trawma. Tħallux l-affarijiet għall-aħħar aktar ma nħallu iktar jiggravaw l-affarijiet.”
Brian Farrugia spjega l-aġenzija għandha quddiemha numru estensiv ta’ każijiet.
Spjega, “Matul is-sena l-oħra l-VSA rat bejn wieħed u ieħor disgħin każ fix-xahar. L-iktar li kellna vjolenza domestika, kellna wkoll każijiet ta’ serq, segwit fi frodi. Dawn huma każijiet li b’kollox qed naraw bejn elf u mitejn f’sena.”
Ma’ ONE News, dak li jmexxi l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalita spjega kif l-Aġenzija qed tikkumbatti l-messaġġi negattivi online.
Qal, “X’għandek tagħmel jekk inti sfajt vittma ta’ kliem ta’ mibegħda online, kellimna, minn hemm hekk naraw x’l-aħjar pass li mmexxu ’l quddiem, aħna nagħu sapport emozzjonali, nagħtu gwida legali u nagħtu wkoll informazzjoni fuq il-kaz li nkunu qed insegwu.’
L-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità għandha tim multi-dixxiplinarju, li jikkonsisti f’membri mill-Korp tal-Pulizija, uffiċjali mill-Probation and Parole, professjonisti fil-qasam legali u psikosoċjali, kif ukoll uffiċjali pubbliċi.
L-aġenzija għandha missjoni biex tgħin lil żewg katagoriji fis-soċjetà.
Fl-ewwel każ hemm dawk il-vittmi li jkunu ntlaqtu minn kliem ta’ mibegħda fil-konfront tagħhom u fit-tieni każ hemm dawk il-vittmi li għaddew jew għadhom għaddejjin minn fastidji kriminali, bħal vjolenza domestika u abbuż sesswali anki saħansitra fuq il-post tax-xogħol, fost oħrajn.
Biex persuna tirrapporta għand l-Aġenzija tista’ ċċempel fuq 25689700.