Fl-istat Awstraljan ta’ New South Wales ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza għal ġimgħa sħiħa minħabba n-nirien fil-foresti. Nirien li dwarhom ħarġet twissija li mistennija jiżdiedu fis-sigħat li ġejjin.
It-tbassir għat-tmiem il-ġimgħa li ġej huwa temperaturi għoljin u irjiħat qawwija li mistennija jifirxu n-nar f’livelli perikolużi ħafna. Minn Settembru, in-nirien fil-foresti fl-istati ta’ New South Wales u Victoria ħasdu l-ħajja ta’ 18-il persuna, u qerdu għalkollox aktar minn 1,200 dar.
Hemm numru ta’ persuni oħra li għadhom irrappurtati nieqsa.
Eluf ta’ residenti u turisti fi New South Wales kienu kostretti jħallu djarhom. Dan qed ikun meqjus bħala l-ikbar każ ta’ rilokazzjoni mir-reġjun fl-istorja.