Ħames nisa li esperjenzaw tqala li ma kinux qed jistennew u li ma sabux l-appoġġ mingħand il-familja tagħhom, qed jingħataw refuġju u l-għajnuna li għandhom bżonn f’Dar Tgħanniqa t’Omm.
Dar fil-Mosta li permezz ta’ numru ta’ voluntiera u professjonisti, tagħti s-sapport lin-nisa li jsibu ruħhom fi kriżi għax ma jkollhomx is-sapport finanzjarju meħtieġ jew dak mill-familja meta jinqabdu tqal.
L-uffiċjal amministrattiv tad-dar, Christie Zammit, ħaditna lura għall-ħsieb wara “Tgħanniqa t’Omm”. Hija spjegat: “Bdejna nindunaw li ċertu ommijiet qed ikollhom jitilqu mid-dar għax jista’ jkun li l-ġenituri tagħhom mhux jaċċettaw it-tqala ta’ din it-tifla tagħhom. B’hekk bdew jgħidulna jekk jiena ħa nżomm it-tarbija ħa nispiċċa homeless u hemmhekk ftaħna l-ewwel xelter tagħna Dar Tgħanniqa t’Omm.”
In-nisa li jirrikorru għall-għajnuna f’din id-dar irid ikollhom aktar minn 18-il sena.
Id-dar tesa’ sitt nisa, li jistgħu jmorru jgħixu fiha minn meta jkunu tqal sa sena wara li jwelldu.
Zammit sostniet: “Aħna f’dik is-sena l-iskop huwa li l-omm tqum fuq saqajha, terġa’ tmur lura xogħol, indaħħlu t-tifla ġo childcare biex l-omm tkun tista’ tmur lura għax-xogħol u aħna nintegrawha wkoll fil-komunità.”
Christie rrakkontat storja li missitilha qalbha, meta mara kienet f’xifer li tagħmel abort iżda bl-għajnuna li sabet minn Dar t’Għanniqa t’Omm kompliet bit-tqala u welldet it-tarbija. Hija tenniet: “Kienet ordnat ukoll abortion pill online, kienet kważi ħa teħodha, imbagħad bdejna mmorru magħha għand il-gynae biex tara l-ultrasound u tibda tħoss it-tarbija tagħha u tisma’ l-heartbeat.”
Bi tbissima qalet li baqgħet tmur magħha għal kull appuntament għax ma kellha lil ħadd, u tul it-tqala ingħatat dak kollu li kellha bżonn. Hija temmet tgħid: “Issa l-omm qiegħda fi stat tajjeb, dan kien xi sena ilu, imma ddeċidiet li t-tarbija ma żżommhiex magħha però t-tarbija tatha għall-adozzjoni u b’hekk dit-tarbija ferrħet koppja oħra li ma setax ikollhom tfal.”
Christie spjegat li llum hemm kuntatt bejn il-ġenituri adottivi, l-omm bijoloġika, u t-tifla, biex l-omm tista’ tiltaqa’ ma’ bintha fl-istess ħin li din iċ-ċkejkna qed tferraħ familja oħra.
Filwaqt li qalet li kull każ huwa differenti, Christie appellat biex bħalma llum din il-mara qed tgħix b’ferħ f’qalbha u t-tifla qed titrabba b’għożża f’familja, nisa li jinqabdu tqal u jkollhom bżonn l-għajnuna, ifittxuha.