Mara mill-Etjopja nstabet ħatja li qalet storja falza lill-pulizija f’pajjiżna, bil-għan li tingħata ażil. Il-mara, bl-isem ta’ Eebis Getu, aġixxiet b’dan il-mod fuq struzzjonijiet ta’ min organizzalha l-vjaġġ lejn pajjiżna bl-ajruplan.
B’dokument falz f’idejha, waslet Malta fit-28 ta’ Lulju u allegat li kienet waslet flimkien ma’ familja mill-Kuwait ħames t’ijiem qabel. Qalet li kienu qed jistmawha ħażin u jżommuha msakkra f’appartament. Iżda iktar tard ammettiet, u spjegat lill-pulizija li dan ma kienx minnu. Qalet li rrakkontat il-gidba għax żagħżugħ Somalu li ltaqgħet miegħu qalilha li jekk tgħid li din l-istorja f’Malta, kienet tingħata l-ażil.
Spjegat li veru kienet tgħix il-Kuwait u l-familja li kienet tgħix magħhom kienu jitrattawha ħażin, imma dawn qatt ma ġew Malta. Kien f’dak il-pajjiż, li ħarbet minnu, li kienet stmata ħażin. Hi ammettiet li vjaġġat b’passaport falz għax tagħhha huwa miżmum minn din il-familja.
Spjegat li biex dan kollu kien organizzat, tat ġiżirana tad-deheb lil żagħżugħ Somalu li ma tafux u li vjaġġa magħhha fuq l-ajruplan.
F’Malta ltaqgħet ukoll mar-raġel tagħha. Il-Maġistra Joseph Mifsud ta sentenza sospiża, f’sentenza fejn għamel ukoll riflessjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni inkluż bl-użu ta’ kliem Papa Franġisku. Fuq kollox qal li “meta waslet f’pajjiżna kellha tmur għand il-Kummissarju tar-Refuġjati biex tagħmel l-applikazzjoni għall-protezzjoni u mhix tivvitna storja.”
Fid-dawl li ngħatat sentenza sospiża, issa se jkun l-istess Kummissarju li jiddeċiedi l-istat tagħha f’Malta.