Fit-tempju tat-trott dinji, l-Korsa ta’ Vincennes Pariġi, nhar il-Ħadd saret l-104 edizzjoni tal-Prix d’Amerique, l-akbar unur fid-dinja li jista’ jirbaħ żiemel tat-trott.
F’dawn l-aħħar snin, il-Maltin qed jattendu għal dan l-avveniment bi ħġarhom u din is-sena kienu l-mijiet li sabu ruħhom fost is-36,000 spettatur minn madwar id-dinja li assistew għal din it-tiġrija u l-ispettaklu marbut magħha.
Din is-sena, għax-xow tal-ftuħ kien mistieden il-ġudoka Franċiż rebbieħ ta’ 4 midalji Olimpiċi Teddy Riner, li ġab miegħu t-trofew prestiġjuż li aktar tard kien ippreżentat lis-sid rebbieħ.
Xahar wara li ħareġ rebbieħ fil-Prix de Bourgogne, waħda mit-tiġrijiet kwalifikattivi għall-Prix d’Amerique, Idao de Tillard ikkonferma li hu verament wieħed mill-aqwa żwiemel hekk kif naqqax ismu għat-tieni darba konsekuttiva fl-istorja tal-Prix d’Amerique bl-aktar mod konvinċenti. Din kienet it-33 rebħa fil-karriera tiegħu u t-tmien suċċess Grupp 1 hekk kif dan iż-żiemel ta’ 7 snin ħa sehem f’total ta’ 47 tiġrija.
F’kumment lil One News ftit minuti biss wara li spiċċat it-tiġrija, is-sewwieq Clément Duvaldestin qal li ż-żiemel kien sofra minn problemi ta’ saħħa iżda irnexxielu jirkupra fil-ħin opportun u diġa kien jidher fil-forma waqt it-tiġrija kwalifikattiva iżda waqt il-Prix d’Amerique kien fl-aqwa forma tiegħu. Mistoqsi dwar jekk waqt it-tiġrija kienx kuntent kif żvolġiet huwa qal li kien ħa tluq tajjeb u mal-perkors sab ruħu tlieta fuq barra fejn allura seta’ jikkontrolla aktar anke għal dak li hu l-andament tat-tiġrija. Fifatt ammetta li dan kien il-pjan tiegħu u fid-dritt finali induna li r-rebħa kienet assigurata. Huwa wkoll qal li ż-żiemel mistenni jipparteċipa issa fil-Prix de France ħmistax oħra.
It-trainer ta’ Idao du Tillard huwa missier Clément, Thierry Duvaldestin li għalih dan kien ir-raba’ suċċess fil-Prix d’Amerique hekk kif fl-2011 u 2012 kien it-trainer tar-rebbieħ Ready Cash apparti r-rebħa tas-sena l-oħra bl-istess Idao de Tillard.
It-tiġrija kellha premju totali ta’ miljun ewro li minnhom ir-rebbieħ ħa €450,000 fejn irreġistra medja ta’ 1’11”1 fil-kilometru li huwa t-tieni l-aqwa ħin wara r-rekord ta’ 1’10”8 irreġistrat minn Face Time Bourbon fl-2021.