Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li Jason Azzopardi huwa parti mill-grupp parlamentari Nazzjonalista, wara li kien ammetta li tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża fl-Iżrael mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Grech stqarr: “Dwar jekk allura għadux membru fil-grupp, inti taf tajjeb daqsi illi huwa fil-fatt il-poplu illi għażel li jidħol fil-Parlament, l-individwu u iva huwa parti mill-grupp.”
Din id-dikjarazzjoni, li mhux eskluż li lil Bernard Grech ħarbitlu, tikkonferma li s-suppost skrutinju fuq l-aġir t’Azzopardi kien finta u li ftit wara, Grech reġa’ daħħal lil Jason Azzopardi fil-grupp parlamentari Nazzjonalista, baxx baxx mingħajr ma qagħad iħabbar u javża lill-midja.
Jason Azzopardi kien issospenda lilu nnifsu, f’dik deskritta minn osservaturi politiċi bħala sospensjoni għal għajn in-nies, sakemm il-Kummissjoni Etika tal-Partit Nazzjonalista għarblet l-aġir t’Azzopardi u ħarġet bi tbeżbiża żgħira iżda ma ħadet l-ebda azzjoni.
Fil-Kummissjoni, Jason Azzopardi tajjar ras Jean Karl Soler, wieħed mill-membri leali lejn il-fazzjoni Delia biex triqtu ma tkunx għat-telgħa.
Fil-fatt Jason Azzopardi u anki David Thake, li Azzopardi ħadu miegħu għas-smigħ tal-Kummissjoni, kienu oġġezzjonaw għall-preżenza ta’ Soler u talbuh jirrikuża ruħu.
Soler tant kemm ma qabilx mad-deċiżjoni li jirrikuża ruħu u b’hekk ma jkunx parti mid-deċiżjoni dwar Jason Azzopardi, li qabel ma ħareġ mill-kamra fejn kien se jsir is-smigħ, Soler iddikjara li fil-fehma tiegħu ma kienx hemm raġuni valida biex jirrikuża ruħu.
Mill-banda l-oħra, skont il-kummentatur politiku Simon Mercieca, ħu Arthur Galea Salamone, membru ieħor fil-Kummissjoni huwa ħabib intimu ta’ Jason Azzopardi u l-kumpanija ta’ ħu Arthur Galea Salamone, Victor Galea Salamone, ġieli tat rigali b’xejn lil Jason Azzopardi biex jagħmilhom lotterija waqt l-attivitajiet politiċi li l-istess Jason Azzopardi kien jorganizza.
Lil Galea Salamone, la David Thake u wisq inqas Jason Azzopardi ma daqqilhom l-ebda kunflitt ta’ interess u ma saret l-ebda talba għal rikuża.
Quddiem dan kollu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li issa reġa’ daħħal baxx baxx lil Jason Azzopardi fil-grupp parlamentari, kompla jiddefendi lid-deputat li tant ħadem għalih biex sar Kap.
Grech sostna: “Jason Azzopardi, iva nerġa’ ngħid, huwa bniedem validu, kif huma validi l-membri kollha tal-grupp parlamentari u jiena niddefendi kull membru tal-grupp parlamentari għaliex huma kollha parti minn dan il-grupp.”
Din ma kinitx l-ewwel darba li Bernard Grech ħareġ għonqu għal Jason Azzopardi.
Propju meta Jason Azzopardi nqabad li ħa rigal m’għand il-grupp ta’ Yorgen Fenech, anki jekk ftit qabel, fuq ix-xandir nazzjonali kien qal li ma jiftakarx ħax xi ħaġa m’għand ta’ Fenech, Bernard Grech qal hekk:
“Ma rrid lil ħadd illi jintrema, ma rrid lil ħadd illi jitwarrab. Irridu nifhmu li Dr Jason Azzopardi huwa bniedem u politiku li għandu kwalitajiet kbar ħafna, huwa politiku li għamel ħafna ġid għal pajjiż.”
Din id-dikjarazzjoni kienet saret propju hekk kif il-Kummissjoni Etika tal-Partit Nazzjonalista kellha tagħrbel l-aġir t’Azzopardi u allura bosta kkummentaw dwar kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkomprometta ħidmet il-Kummissjoni wara li faħħar u ddefenda tant lil Jason Azzopardi.