Il-belt ta’ New York u New Jersey iddikjaraw stat ta’ emerġenza hekk kif il-maltempata tropikali Ida għerrqet numru ta’ postijiet.
S’issa tilfu ħajjithom disa’ persuni kawża ta’ dan il-maltemp, u mhux eskluż li jkun hemm aktar, filwaqt li mal-100,000 dar spiċċaw bla provvista tal-elettriku f’New York, New Jersey u f’Connecticut.
Infatti filmati li qed jitellgħu fuq il-midja soċjali juru djar, stazzjonijiet tal-metro u toroq mgħerrqa. Il-metro famuża ta’ New York kienet kostretta li twaqqaf l-operat tagħha.
Is-Sindku ta’ New York Bill de Blasio wissa biex ħadd ma joħroġ barra jekk mhux għal bżonn, hekk kif l-għargħar qed jagħmel it-toroq perikolużi.