In-nuqqas ta’ xita li niżlet fuq il-gżejjer Maltin din is-sena, affettwat ħażin lil madwar ħamsa u sebgħin fil-mija tad-dwieli f’pajjiżna li minnhom jinqata’ l-għeneb biex isir l-inbid.
Fil-fatt, minn Jannar sal-lum ftit li xejn għamlet xita, għajr għal żewġ ħalbiet f’Mejju u f’Ġunju li dak iż-żmien għamlu aktar ħsara milli ġid.
F’konferenza tal-aħbarijiet qalb id-dwieli f’Marsaxlokk, il-Kap Eżekuttiv tal-Marsovin Jeremy Cassar spjega li minkejja l-isfidi naturali tax-xita, u l-fatt li din kienet sena straordinarja minħabba l-imxija, il-kwalità tal-inbid kemm abjad u anki aħmar, xorta kienet tajba.
Is-Sur Cassar qal: “Mingħajr it-turiżmu ġejna affettwati pjuttost ħażin però konna qegħdin nistennew li forsi tkun ftit agħar. Qed nara li anki matul l-aħħar sitta, seba’, snin kien hemm naqra inċentivi mingħand il-Gvern biex wieħed jippromwovi l-prodott lokali u l-prodott lokali impruvja ħafna wkoll ċertu direzzjoni fuq kwalità u l-frott jibda jiġi pass pass mhux minn sena għall-oħra.”
Dawn id-diffikultajiet irriżultaw f’nuqqas ta’ ħamsa fil-mija ta’ għeneb maħsuda meta mqabbel mal-elfejn u dsatax, u ħamsa u għoxrin fil-mija inqas mill-medja.
Minkejja dan, fid-dawl li l-Malti kulma jmur qed ifittex il-prodott lokali, il-prospetti għal li ġej huma tajbin.
Is-Sur Cassar sostna: “Id-direzzjoni hija tajba. Huwa tajjeb li l-Malti iktar qed imur għall-prodott lokali, importanti li kull min qed jipproduċi l-prodott agrikolu jkompli b’ċertu serjetà.”