Fi tfittxijiet li għamlu uffiċjali tad-Dwana u l-Pulizija f’ħanut, dar, karozza u żewġ garaxxijiet ta’ persuna mir-Rabat, instabu tmienja u disgħin elf u sitt mitt sigarett tal-kuntrabandu u aktar minn elfejn gramma tabakk. Fuq dawn l-oġġetti kien hemm ksur ta’ aktar minn wieħed u għoxrin elf ewro fi ħlas tat-taxxa. Tul l-aħħar ġimgħat, id-Dipartiment tad-Dwana rċieva informazzjoni minn sorsi differenti fuq persuna li kienet qed tmexxi sigaretti tal-kuntrabandu. Kif il-persuna ġiet identifikata, saru osservazzjonijiet għal diversi jiem qabel ma eventwalment, uffiċjali tal-infurzar tad-Dwana segwew lill-persuna hi u dieħla f’xi garaxxijiet f’Ħad-Dingli.
Fl-ewwel garaxx instabu tnejn u tletin elf u mitejn sigarett tal-kuntrabandu u erbgħin pakkett tabakk li jammontaw għal sebat elef u ħames mitt f’taxxi pperikolati.
Fit-tieni garaxx, li l-persuna suspettata ċaħdet li kienet tużah, instabu ħamsin elef sigarett tal-kuntrabandu, li fuqhom hemm aktar minn ħdax-il elf u ħames mitt ewro dovuti f’taxxa. F’karozza li ġiet ikkonfiskata mill-uffiċjali tad-Dwana, instabu erba’ mitt sigarett, li jammontaw għal ħames mija u ħamsin ewro.
Fil-ħanut tax-xorb minn fejn il-persuna bdiet tiġi segwita, instabu wkoll elfejn u sitt mitt sigarett u ħdax-il pakkett tabakk, li fuqhom kienet qed isir evażjoni ta’ madwar sitt mija u sebgħin ewo f’taxxa.
Fid-dar tal-persuna kienu elevati tlett elef u erba’ mitt sigarett, li huwa stmat li fuqhom kienet qed isir evażjoni tat-taxxa li tammonta għal seba’ mija u ħamsa u sittin ewro.
Il-persuna mistennija titressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.