Id-Dwana ta’ Malta qabdet kważi €25,000 mhux iddikkjarati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqt ronda tas-soltu.
Il-qabda saret aktar kmieni llum waqt spezzjonijiet fuq passiġġieri li kienu fuq titjira minn Madrid. Libjan kien imwaqqaf mill-Uffiċjali wara li qal li m’għandu xejn x’jiddikkjara. Meta mistoqsi kienx qed iġorr flus kontanti, il-passiġġier qal li kien qed iġorr €5,000 biss. Hawnhekk, l-Uffiċjali wettqu tftixxija, u elevaw €34,970.
€10,000 ingħataw lura lill-passiġġier, u l-bqija nżammu mill-uffiċjali biex ikunu ppreżentati fil-Qorti. Il-passiġġier qed jinżamm arrestat waqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjoni.
Skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, kwalunkwe ammont ta’ flus li jaqbeż l-€10,000 irid ikun iddikkjarat mad-Dwana meta persuna tivvjaġġa minn u lejn Malta.
Dan bħala parti mill-ġlieda internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus.