Wara ħidma konġunta bejn diversi Taqsimiet tad-Dwana, ġie interċettat kontejner bi kważi 8 miljun sigarett tal-kuntrabandu fil-Port Ħieles. Irriżulta li s-sigaretti huma kollha kontrafatti, wara li rappreżentanti legali f’Malta ta’ kumpanija li hija proprjetarja ta’ diversi marki reġistrati, ikkonfermaw l-illegalità ta’ din il-konsenja.
Ikkonfermaw ukoll li tali importazzjoni tikkontravjeni d-dritt tal-propjetà intellettwali. Il-kumpanija propjetarja tal-marka reġistrata ppreżentat rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija kontraventriċi f’dan il-każ.
Il-kontejner, li kien qed iġorr 7,730,000, oriġina mill-Port ta’ Rotterdam fl-Olanda, u kien fi triqtu lejn it-Tuneżija.
Dawn is-sigaretti, flimkien mat-48 miljun sigarett li nqabdu aktar kmieni din is-sena, itellgħu l-figura ta’ sigaretti maqbuda fl-2018 għal aktar minn 56 miljun sigarett. Figura rekord għad-Dwana ta’ Malta.