Il-kampanja ta’ infurzar mid-Dipartiment tad-Dwana issa daħlet fit-tielet xahar tagħha.
Id-Dwana tirrapporta illi f’dawn l-aħħar ġimgħat saru 72 spezzjoni fi ħwienet madwar Malta. Fil-perjodu ġew miżmuma 16,400 sigarett u 2.7 kilogrammi tabakk tal-kuntrabandu. 4,000 sigarett minnhom gew interċettati fl-ajruport qabel iddaħħlu fil-pajjiż, filwaqt li 2,600 oħra ġew elevati mill-Port Ħieles qabel iddaħlu fil-pajjiż. 7,200 sigarett inġabru minn diversi ħwienet.
Ġew elevati wkoll mis-suq 14,800 baskett tal-plastik li ma kienitx tħallset taxxa tas-sisa fuqhom.
Minn 8 spezzjonijiet li saru għal fuel fiskalment mhux immarkat, ġew miżmuma 5,120 litru fuel.
Saru wkoll 159 spezzjoni fuq vetturi mal-wasla minn Sqallija u 269 spezzjoni għal flus mhux dikjarati. Mill-ispezzjonijiet fuq passiġġieri għal flus mhux dikjarati, id-Dipartiment tad-Dwana qabad bi €28,755 fi flus mhux dikjarati.
Matul dan il-perjodu saru 108 spezzjoni għal oġġetti kontrafatti (foloz) li wħud minnhom taw riżultat posittiv tant li ġew elevati 3,534 oġġett kontrafatt.
F’dan il-perjodu, id-Dwana użat id-diversi mezzi ta’ scanning li għandha mifruxa mal-postijiet tagħha għal 15,576 darba.
Id-Dipartiment tad-Dwana għal darba oħra jtenni li l-kuntrabandu huwa reat kriminali serju ħafna li, f’każ ta’ ħtija quddiem il-Qorti, iġorr miegħu penali fiskali ħorox, konfiska tal-mezz tal-ġarr, konfiska tal-mezz tal-ħażna u, saħansitra, anki kkunsidrata piena karċerarja. Ikompli jappella għall-għajnuna tal-pubbliku billi jċempel b’mod anonimu fuq 2568 5124 jew 2568 5200.