Serb ġie arrestat fil-port qabel ma telaq għal Sqallija wara li fuqu nstabu aktar minn sitta u tletin elf ewro li ma kinux dikjarati.
Fi stqarrija d-Dwana qalet li l-passiġġier qal li ma kellux flus fuqu meta ġie mistoqsi kellux x’jiddikjara, iżda wara tfittxijiet fuq persuntu nstabu aktar minn sebat elef u seba’ mitt ewro. Aktar minn tmienja u għoxrin elf ewro oħra nstabu fil-karozza tiegħu.
Id-Dipartiment tad-Dwana qal li għaxart elef ewro ngħataw lura lir-raġel iżda l-bqija ġew ikkonfiskati mal-arrest.
F’każ separat, ix-xamma ta’ Gypsy l-kelba tad-Dwana waslet għal qabda ta’ aktar minn tnax-il elf dollaru, ekwivalenti għal għaxart elef, sitt mija u erbgħin ewro, flimkien ma’ mitejn u sebgħin ewro oħra fuq passiġġier li kien se jaqbad titjira lejn Istanbul.
Ir-raġel kien offrut ftehim barra mill-qorti, li ġie ffirmat u kien immultat.