Il-ġimgħa tal-Milied kienet waħda impenjattiva għall-uffiċjali tad-Dwana, li ssuktaw bil-ħidma tagħhom li wasslet għal diversi qabdiet minn lokalitajiet differenti.
Fi tliet każijiet separati f’San Ġwann, fis-Siġġiewi u f’Ħal Luqa, l-uffiċjali tad-Dwana sabu 1.7 tunnellati tabakk tax-xixa, 7,600 sigarett tal-kuntrabandu u magna tas-sigaretti li kienet qed tbigħ is-sigaretti bi prezz ogħla minn dak stabbilit fis-suq.
Wara sigħat ta’ osservazzjoni, kważi 2 tunnellati ta’ tabakk tax-xixa ġew issekwestrati mill-Uffiċjali tad-Dwana mingħand barbier f’San Ġwann.
F’maħżen vojt biswit l-istess ħanut, ġew elevati tnejn u 50 kaxxa mimlija tabakk tax-xixa. Il-valur tat-taxxa stmati fuqhom jaqbeż il-€65,000.
Uffiċjali mid-Dipartiment tar-Reati Kriminali tal-Pulizija marru fuq il-post u ssuktaw bl-investigazzjonijiet, fejn sejħu numru ta’ persuni biex jiġu interrogati u huwa mifhum li wħud mis-suspettati se jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Sadanittant, saru spezzjonijiet f’żewġ garaxxijiet tal-istess sid fis-Siġġiewi, fejn ġew elevati sebat elef u sitt mitt sigarett tal-kuntrabandu.
F’każ ieħor, ġiet issekwestrata magna tas-sigaretti minn ġo bar f’Ħal Luqa li kienet qed tbigħ sigaretti bi prezz ogħla minn dak stipulat fis-suq mingħajr l-ebda avviż għall-klijenti hekk kif mitlub bil-liġi.
Meta mitlub, l-operatur irrifjuta li jiftaħ il-magna, u din ġiet issekwestrata mill-uffiċjali tad-Dwana.
Dawn il-qabdiet juru li l-ħidma tal-uffiċjali tad-Dwana ma tieqafx lanqas fi żmien il-festi, u kulma jmur id-Dipartiment tal-Infurzar qed jagħraf kummerċjanti illeċiti li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji ta’ pajjiżna.