F’żewġ każijiet separati, id-Dwana ta’ Malta nterċettat total ta’ €30,373 fi flus mhux iddikjarati.
Fl-ewwel każ fit-terminal tal-port minn fejn jitlaq il-katamaran għal Sqallija, Rumen ġie mwaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana waqt spezzjoni li kienet qed issir, u fuqu nstabu €11,445 fi flus mhux iddikjarati. Ir-raġel kien sejjer Sqallija.
Fit-tieni każ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-kelb tad-Dwana ‘Charlie’ xamm xejn inqas minn €18,928 fi flus mhux iddikjarati fis-sala tat-tluq tal-mitjar.
Hawnhekk saret tfittxija fuq passiġġier Svediż li kien sejjer it-Turkija li rriżultat fil-pożittiv. Fil-bidu, ir-raġel qal li kien qed iġorr €15,000 imma fit-tfittxija nstabu €18,928.
Iż-żewġ passiġġieri qablu dwar ftehim ’il barra mill-Qorti, iffirmaw, u ġew immultati skont il-liġi Ewropea.