Id-Dwana Maltija kkonfermat li l-qabda tat-Tnejn li għadda ammontat għal 10,729.40kg raża suspettata kannabis. Fi stqarrija, id-Dwana qalet li d-droga nstabet f’żewġ kontejners, u f’iżjed minn 53,647 pakkett b’valur fis-suq ta’ €28,500,000.
Ġie kkonfermat ukoll li fiż-żewġ kontejners l-oħra ma nstabet l-ebda droga. L-erba’ kontejners ġew mis-Sirja u kienu fi triqthom lejn il-Libja.Fl-ewwel kontejner li suppost kellu bramel mimlija bit-trab tas-sapun instabu 28,436 pakkett li kienu jammontaw għal 5,687.20kg droga. Filwaqt li fit-tieni kontejner instabu ftit iżjed minn 25,211 b’iżjed minn 5,042.20kg droga.
ONE News huwa nfurmat li minkejja li d-droga għadha ma ġietx eżaminata fil-laboratorji mill-epserti tal-Qorti, l-ewwel testijiet li ttieħdu minn fuq il-post juru li s-sustanza hi reżina tal-kannabis.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Maltija Joe Chetcuti qal li din l-akbar sejba ta’ droga f’Malta hi riżultat ta’ investiment fit-tagħmir, fin-nies u s-sistemi. Madankollu s-Sur Chetcuti għamilha ċar li d-Dwana trid tkompli ssaħħaħ l-investiment tagħha. Ħabbar li d-Dwana pproponiet lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jinxtara Scanner ieħor kbir għall-Ajruport. Qal li dan mistenni janalizza kull bagalja qabel tinġabar mill-passiġġiera.
Is-Sur Chetcuti ta ħajr lill-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-drogi li assistew lid-Dwana Maltija flimkien mall-uffiċjali tas-sigurta’ tal-Port Ħieles.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija Maltija ta’ kontra d-drogi, u mistennija jissaħħu bl-għajnuna tal-EUROPOL u l-INTERPOL li diġà wrew interess fil-każ.