Bejn Jannar u Settembru, id-Dwana waqqfet 459 attentat ta’ kuntrabandu.
· 254 attentat destinat għas-suq domestiku li kellhom dazju perikolat;
· 189 attentat destinat għas-suq domestiku li kellhom prodotti pprojbiti;
· 16-il attentat bi prodotti in-transitu li twaqqfu f’Malta;
Fil-ħidma tagħha d-dwana qabdet ukoll ħames vetturi u cabin cruiser.
Id-dwana ta’ Malta fi stqarrija qalet li bejn Jannar u Settembru qabdet 10,280,000 sigarett, 123 kilo tabakk tax-shisha, 15-il kilo kokaina, 8.5 kilo kannabis, 300 pillola ecstacy kif ukoll ‘il fuq minn 9.8 miljun oġġett falz. L-oġġetti jvarjaw minn prodotti tal-kura tax-xagħar, trab tal-ħasil, sigaretti u aktar.
Id-dwana spjegat li L-evażjoni tat-taxxa fuq prodotti tat-tabakk u x-xorb alkoħoliku, u l-attivita’ illegali marbuta magħhom, tibqa’ l-aktar attivita’ fl-ekonomija s-sewda u li d-Dipartiment tad-Dwana qiegħed iżid l-isforzi tiegħu, inkluż b’investimenti ġodda u taħriġ tal-impjegati tiegħu, bl-iskop li jħares l-interessi fiskali tal-pajjiż, jiddefendi l-interessi tal-kummerċ leġittimu u jipproteġi liċ-ċittadini onesti kollha.