Is-suċċess tad-Dwana Maltija matul is-sena li għaddiet fil-ġlieda tagħha kontra l-kutrabandu kien rifless ukoll fid-dħul tagħha.
Matul is-sena li għaddiet, id-Dwana kkontribwixxiet lill-kaxxa ta’ Malta 427 miljun ewro, żieda ta’ 27 miljun meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Dan qalitu fi stqarrija li ħarġet id-Dwana fejn sostniet li l-biċċa l-kbira tad-dħul ġie minn dazju fuq l-importazzjoni u s-SISA.
Iż-żieda seħħet minkejja li kien hemm tnaqqis fid-dħul mid-dazji u l-VAT bid-dipartiment jattribwixxi dan it-tnaqqis għal aktar xiri ta’ oġġetti minn pajjiżi tal-unjoni ewropea milli minn pajjiżi terzi.
Id-dħul minn dazju fuq l-importaazzjoni kien jammonta għal aktar minn ħmistax-il miljun ewro waqt li d-dħul minn VAT li tiġbor id-Dwana niżel b’miljun għal kważi mija u tmintax-il milju ewro.
Għal dan it-tnaqqis għamlet tajjeb it-taxxa tas-SISA b’żieda ta’ sebgħa u għoxrin miljun ewro li minn 261 miljun telgħet għal 288 miljun u żieda fid-dħul minn attivitajiet oħrajn bħalma hi t-taxxa fuq il-bunkering, dħul minn multi, irkant ta’ oġġetti maqbuda li dħul minnu laħaq is-sitt miljun ewro minn 3.6 miljun fis-sena ta’ qabel.
Id-Dħul tad-Dwana fl-2017 kien hekk:
minn dazju: €15.1 miljun
mis-sisa: €288.2 miljun
mill-vat: €117.8 miljun
dħul ieħor: €6 miljun
Fi stqarrija jħabbar dawn ir-riżultati, id-Dwana qalet li d-dipartiment se jkomplu jkun wieħed mill-għejjun ewlenin fid-dħul tal-Gvern u tal-Unjoni Ewropea.
Qalet li l-investiment fir-riżorsi umani u tagħmir modern li jiġġieled il-kuntrabandu, għandu jwassal biex ikompli jkabbar id-dħul fis-snin li ġejjin.