Rapport mill-Kummissjoni Ewropea juri li s-sena l-oħra, id-Dwana Maltija kienet it-tieni l-aktar dwana fost l-istati membri ewropej li kellha qabdiet ta’ affarijiet li jiksru d-drittijiet tal-propjetà intelletwali.
Ir-rapport minn DG TAXUD juri li fl-2019, id-Dwana Maltija qabdet mas-sitt miljun u mitt elf oġġett. Żieda ta’ 152% mis-sena ta’ qabel fejn kienu nqabdu żewġ miljun u erba’ mitt elf oġġett.
B’hekk fl-2019, kienet id-Dwana tar-Rumanija biss li qabdet aktar oġġetti. Fil-fatt fl-2019 id-Dwana tar-Rumanija qabdet disa’ miljun u tmien mitt elf oġġett.
Dwar dan ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Dwana, is-Sur Joseph Chetcuti hekk kif spjega li grazzi għall-investiment ta’ miljuni kbar fid-Dwana Maltija, dan id-Dipartiment baqa’ b’mod konsistenti fost l-aqwa fl-Ewropa.
Huwa spjegat: “Mit-tielet post telgħet għat-tieni post jiġifieri hemm awment u qabża imma l-Ġermanja niżlet sew l-isfel għaliex irreġistrat tnaqqis fil-qabdiet tagħha, il-Greċja nizlet l-isfel ukoll umbgħad fl-ewwel post telgħet ir-Rumanija li s-sena l-oħra ma kinitx fuq ta’ quddiem allura hemm element ta’ inkonsistenza.”
Elenka wkoll l-affarijiet komuni li nqabdu tul l-2019: “Huma sigaretti huma ġugarelli imma hemm ukoll footwear jiġifieri żraben, kemm ta’ natura sportiva u kif ukoll ta’ natura eleganti u wkoll ħwejjeġ. Dawk huma dejjem l-aktar affarijiet li nqabdu.”
Is-Sur Chetcuti spjega wkoll kif dan huwa żmien kruċjali għad-Dwana hekk kif minkejja li ħafna mill-affarijiet tal-festi jkunu nxtraw dawk li jwettqu din l-illegalità jaħsbu li f’dan iż-żmien ta’ festi id-Dwana tkun wieqfa u b’hekk jieħdu ċans jippruvaw jgħaddu affarijiet illeċiti.
Huwa sostna: “Ikun hemm min jaħseb li dan hu l-mument li jista’ jsibna dgħajfin u propju dan hu l-mument li l-iktar noqogħdu attenti għax nafu b’dan ir-riskju u case in point kien il-qabda ta’ container droga li kellna l-ġimgħa l-oħra.”