Id-Dwana rnexxielha tinterċetta konsenja kbira ta’ 250 kilo kokaina fil-Port Ħieles fi triqitha mill-Ekwador lejn il-Greċja.
Stqarrija mill-Malta Tax and Customs Administration, ħabbret li d-dipartiment beda s-sena b’qabda sinifikanti wara kontrolli u testijiet li saru fuq kontejner, li wasal f’pajjiżna mill-port ta’ Guayaquil fl-Ekwador lejn dak ta’ Piraeus fil-Greċja.
L-Ekwador u l-port ta’ Guayaquil qed jitqies internazzjonalment bħala l-bidu fir-rotta l-ġdida li t-traffikanti fl-Amerka t’Isfel kollha qed jużaw biex iwasslu l-konsenji tagħhom fl-Ewropa.
L-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga tal-Pulizija ġiet imsejħa minnufih fil-Port Ħieles biex tassisti lid-Dwana fl-investigazzjonijiet.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali, waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.