It-taqsima ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus fi ħdan id-Dwana intebħet b’passiġġier li kien qed iġorr €11,365 fi flus kontanti u mhux iddikjarati. Il-passiġġier mit-Togo u kien sejjer lejn it-Turkija.
Meta kien mistqosi kemm kien qieged iġorr flus, il-passiġġier wieġeb li kien qiegħed iġorr madwar €10,000. L-Uffiċjali tad-Dwana ma kinux konvinti minn din ir-risposta, għalhekk talbuh jippreżenta l-flus kollha li kellu. Huwa ppreżenta €7,775.
Meta ġie mistoqsi x’ġara mill-kumplament tal-flus, huwa qal li kien ħbiehom f’bagalja u li kien ġa għamel iċ-check-in. F’din il-bagalja nstabu €3,590 oħra.
Il-passiġġier ingħata multa u tħalla jivvjaġġa.
Tal-lum kien it-tnejn u għoxrin każ għal din is-sena, bit-total ta’ flus interċettati li ma kinux iddikjarati fl-ajruport, ilaħħaq it-tliet mija u wieħed u tletin elf ewro.