Wara ż-żewġ qabdiet kbar ta’ 40 kilo droga kokaina b’valur ta’ €4.5 miljun u oħra ta’ 48 kilo droga kokaina ftit tal-jiem ilu b’valur ta’ €5 miljun, id-Dipartiment tad-Dwana għamlu żewġ qabdiet oħra ta’ 90kg droga kokaina b’valur ta’ €9.7 miljun.
Dan hekk kif fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu uffiċjali tad-Dwana għażlu numru ta’ kontejners biex jiġu scanned fejn waqt l-iscanning ntlemħu numru ta’ pakketti moħbija f’parti mill-ewwel kontejner. B’kollox instabu 35 pakkett li fihom kien hemm droga kokaina, ta’ 42 kilo b’valur ta’ €4.72 miljun.
Hekk kif l-uffiċjali kkonkludew it-tfittxija fl-ewwel kontejner, it-tim tal-Iscanning għamlu sejba oħra ta’ 40 pakkett ieħor tad-droga fit-tieni kontejner ta’ 48 kilo droga kokaina b’valur ta’ €5 miljun.
Iż-żewġ kontejners kienu għaddejjin mill-Port il-Ħieles ta’ Malta li kien ġej mill-Ekwador bid-destinazzjoni finali kellha tkun il-Greċja f’pakketti li fihom kien hemm konsenji ta’ banana.
Iż-żewġ każijiet għaddew f’idejn l-iskwadra ta’ Kontra d-Droga li għaddejjin bl-investigazzjonijiet immexxija mill-Ispettur Justyne Grech bil-Maġistrat Dr Gabriella Vella qed tmexxi l-inkjesta assitita mit-tim tal-esperti mit-Taqsima tal-Forensika.