Ikompli s-suċċess għall-uffiċjali tad-Dwana b’qabda oħra kbira ta’ droga kokaina. B’kollox qabdu tmienja u erbgħin kilo droga kokaina. Id-droga nstabet moħbija f’kontejner tal-friżaf’kaxxi li suppost kien fihom il-banana li wasal f’Malta biex eventwalment jitgħabba fuq bastiment ieħor fi triqtu lejn il-Greċja. Il-kontejner wasal Malta mill-Ekwador.
Mal-wasla tiegħu fil-Freeport, il-kontejner intgħażel biex jiġi skenjat mill-uffiċjali tad-dipartiment li janalizzaw il-kontejners.
Wara li ġie skenjat bl-użu ta’ scanner ġdid, l-uffiċjali tad-Dwana nnotaw bosta pakketti li kien fihom sustanza bajda. Id-droga maħżuna f’erbgħin pakkett instabet moħbija wara kompressur imqabbad mal-kontejner.
Fi stqarrija, id-Dwana qalet li minn analiżi li sar tas-sustanza, irriżulta li kienet kokaina u li l-valur tagħha fis-suq ilaħħaq il-ħames miljun ewro.
Id-Dwana qalet li l-każ għadda f’idejn il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi għal aktar investigazzjonijiet waqt li l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo qed tmexxi inkjesta dwar il-każ.
It-Tlieta li għadda, l-uffiċjali tad-Dwana rnexxielhom jinterċettaw aktar minn ħamest elef kilo droga kannabis li l-valur tagħha fis-suq kien jammonta għal aktar minn seba miljun u erba’ mitt elf ewro.