- Id-Dwana sservi ta’ Xmun iċ-Ċirinew għar-Redentur tal-Isla
Id-dwana kellha rwol importanti fir-restawr tar-Redentur tal-Isla dan hekk kif sentejn ilu, fi Frar tal-2015, bdew il-kuntatti bejn speċjalisti fil-qasam tar-restawr, Atelier del Restauro, u d-diriġenti tad-Dwana biex tkun mgħarbla l-possibilta’ li n-Nuctech Scanner tad-dipartiment jintuża biex din l-istatwa tkun tista’ tiġi analizzata u studjata bir-reqqa.
F’April ta’ sentejn ilu, l-istatwa ġiet trasportata, bil-lejl, fil-Ħal-Far Groupage Complex u hemm ittieħdulha l-x-rays neċessarji biex tkun magħrufa l-istruttura u l-istat ta’ ġewwa tal-istatwa, kif juru ir-ritratti li ġew ippubblikati ghall-ewwel darba.
Fil-fatt, irriżulta li l-intern tal-vara għadu fi stat tajjeb ħafna. Hu l-estern, primarjament it-tunika u partijiet oħra tal-karnaġġjon li fihom brix u qsim, probabbilment, riżultat tal-ħruġ tal-istatwa, li jsir tliet darbiet fis-sena, kif ukoll ta’ diversi pellegrinaġġi.
Id-Dipartiment tad-Dwana stqarr li huwa kburi li kien f’pożiżżjoni li jgħin b’mod tanġibbli f’din l-operazzjoni hekk delikata u sensittiva u li ser tiswa ’l fuq minn €40,000.
Filfatt, dan ir-restawr vitali ser jieħu madwar 9 xhur li, matulhom, ser titħassar il-parteċipazzjoni ta’ din l-istatwa devota fl-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ dis-sena.
Iżda, aktar minn hekk, minħabba dan ir-restawr importanti, ser tkun ikkanċellata l-purċissjoni ta’ devozzjoni kbira, li ssir f’Ġunju ta’ kull sena u li oriġinat mitejn sena ilu bħala wegħda reliġjuża biex l-Isla tkun meħlusa mill-pesta li kienet qed tikkawża ħerba sħiha f’dawn il-gżejjer. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-istatwa ttieħdet Birkirkara, biex tkun protetta minn bumbardamenti feroċi tal-għadu u, fl-1944, irritornat fl-ambjent tradizzjonali tagħha ġewwa l-Isla.
Id-Dipartiment tad-Dwana awgura xogħol professjonali biex din il-ġawhra tkun dejjem aktar apprezzata u tiġbed l-ammirazzjoni tal-folol u, fuq kollox, tkun mezz li tisseddaq id-devozzjoni lejn Dak li lilna tana s-saħħa u l-ħajja permezz tat-tbatija u mewt tiegħu.